Filmat: Infermiera Għawdxin jinġabru quddiem Kastilja

Aġġornat 04:12 PM

Read in English.

Grupp ta’ infermiera Għawdxin flimkien mal-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel inġabru quddiem Kastilja dalgħodu għal konferenza tal-aħbarijiet. Huma talbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex iwaqqaf lil Steward Health Care milli jkompli jimpjega lill-infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huma qed jgħidu li dan qed isir b’detriment għall-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta u l-familji tagħhom.

Fl-aħħar jiem, il-kumpanija Steward Health Care Malta rrikorriet għall-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali ordnata mill-unjin tal-infermiera f’Għawdex. Fi stqarrija Steward qalet li lbieraħ filgħodu talbet għal prohibitory injunction kontra l-azzjoni tal-MUMN. Steward qalet li l-Qorti laqgħet it-talba tagħha b’mod proviżjorju. Il-każ mistenni jinstema’ dan ix-xahar.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kienet se tieħu azzjoni industrijali kontra Steward Healthcare peress li l-kumpanija trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta hemm infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti fl-isptar ta’ Għawdex.

Għexieren ta’ infermiera Għawdxin lebsin maskri okkupaw it-taraġ ta’ Kastilja hekk kif l-MUMN indirizzaw lill-midja. Il-President tal-union Paul Pace repetutament emfasizza li l-MUMN mhix kontra l-infermiera barranin li qed jaħdmu Malta, imma insistiet li l-postijiet tax-xogħol fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandhom jimtlew minn infermiera Għawdxin li ilhom jistennew trasferiment għal żmien twil. Qal li l-union kienet toġġezzjona wkoll anke jekk l-infermiera li ngaġġati f’Għawdex kienu jkunu Maltin.

Pace argumenta li Steward Health Care setgħet faċilment tgħażel li timpjega infermiera barranin fl-Isptar Karin Grech, fejn hemm bżonn jiġu ngaġġati mal-50 infermier, iżda l-kumpanija rrifjutat li tagħmel dan.

It-Tnejn, l-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM) tkellmet ukoll dwar dak li qed jiġri. Hi qalet li l-ewwel għandhom jingħataw ix-xogħol f’Għawdex dawk l-infermiera Għawdxin li qed ikollhom jinżlu jaħdmu Malta.

Ksur ta’ prattika “sagrosanta”

Pace innota li gvernijiet differenti segwew il-prattika tal-lista ta’ trasferimenti, fejn ħaddiema Għawdxin fis-settur pubbliku li qed jaħdmu Malta, ikunu f’lista skont is-senjorità u mal-ewwel opportunità ta’ xogħol f’Għawdex ikunu trasferiti. Hu ddeskriva l-prattika bħala waħda “sagrosanta” u emfasizza li kien proċess trasparenti b’kull Għawdxi jkun jaf meta jmissu.

Skont l-MUMN, hemm 160 infermier Għawdxi li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u minnhom 100 jixtiequ li jkunu trasferiti lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Pace irrimarka li Steward għażlet li tinjora din il-prattika. F’ittra lill-Prim Ministru Robert Abela, l-MUMN argumentat li dan jikser it-termini tal-ftehim bejn il-gvern u l-MUMN u mar ukoll kontra l-wiegħda elettorali biex jassigura li l-ebda opportunità ma tintilef biex l-Għawdxin ikunu pprovduti opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex.

Steward qed tabbuża mill-konċessjoni tal-union fil-pandemija

Pace spjega wkoll li meta l-pandemija tal-coronavirus laħqet lil Malta, l-infermiera ma setgħux jitmexxejn minn sptar għall-ieħor bħala prekawzjoni. B’riżultat ta’ dan, li kieku f’Għawdex kien hemm firxa kbira, l-isptar ewlieni seta’ spiċċa mgħerreq bix-xogħol.

Qal li b’riżultat ta’ dan, l-union qablet li waqt il-pandemija, Steward setgħet tħaddem numru żgħir ta’ infermiera barranin f’Għawdex skont il-bżonn, u dment li dawn jitmexxew malli l-pandemija tgħaddi.

Pace qal iżda li Steward ġabet l-ewwel grupp ta’ infermiera barranin lejn Għawdex, 10 persuni mill-Indja u l-Pakistan, is-Sibt li għadda. Qal li dan sar meta suppost il-pandemija hija taħt kontroll u b’hekk l-infermiera jistgħu jkunu trasferiti minn sptar għall-ieħor.

Steward akkużata b’diżrispett lejn il-ministru

Pace qal li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne aġixxa immedjatament malli l-union qajment l-oġġezzjoni tagħha. Qal li Fearne skeda laqgħa bejn l-union u l-uffiċjali ta’ Steward nhar it-Tnejn li għadda.

Qal iżda li l-laqgħa ma saritx għax il-Ħadd, Steward issottometta talba għall-mandat biex titwaqqaf l-azzjoni industrijali tal-MUMN. Qal li din ma ħalliet l-ebda għażla ħlief li l-MUMN tiġġieled lil Steward bil-Qorti.

Il-PN b’appoġġ għall-infermiera Għawdxin

Il-Partit Nazzjonalista wera l-appoġġ tiegħu għat-talba tal-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta u l-MUMN li tirrapreżentahom biex postijiet vakanti fl-isptar ġenerali ta’ Ghawdex ikunu mimlija minnhom u mhux minn infermieri oħra.

Sal-lum kull xogħol vakanti fl-isptar ta’ Għawdex kien jimtela minn ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta billi jintbagħtu Għawdex dawk l-aktar li jkun ilhom jaħdmu Malta.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jesiġi li l-Gvern jintervjeni biex immedjatament il-postijiet vakanti f’Għawdex jimtlew minn infermieri Għawdxin u l-ħaddiema l-oħra jekk hemm bżonn jiġu ngaġġati fi sptarijiet f’Malta.  Għal darb’oħra jappella biex dan il-kuntratt jitwaqqaf.

“Sal-bieraħ stess offrejna soluzzjoni” – Steward Health Care

Intant, il-Kumpanija Steward Health Care qalet li lbieraħ offriet soluzzjoni lill-Ministeru għas-Saħħa biex issolvi l-kwistjoni dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fi stqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-MUMN dalgħodu, Steward qalet li hi tenniet it-talba tagħha lill-Ministeru tas-Saħħa sabiex l-infermiera li qegħdin fil-lista tat-trasferiment għal Għawdex jitħallew jiġu trasferiti għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u b’hekk tissolva l-kwistjoni li għaddejja bħalissa fl-interess ta’ kull min hu involut u, l-aktar, għall-ġid tal-pazjenti u l-istaff tal-isptar.

Steward ċaħdet kategorikament dak li ntqal mill-union li hija qatt ma riedet tħaddem infermiera Għawdxin li bħalissa jaħdmu Malta. Qalet li ilha minn Marzu ta’ din is-sena titlob repetutament lill-Ministeru tas-Saħħa biex l-infermiera Għawdxin f’Malta jiġu rilaxxati sabiex jaħdmu ġewwa Għawdex. Steward qalet li s’issa ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-Ministeru tas-Saħħa li l-infermiera Għawdxin jistgħu jitħallew jaħdmu fil-GGH.

Bħala parti mill-proposti tagħha lill-Ministeru tas-Saħħa, ilbieraħ Steward qalet li lesta tikkunsidra twaqqaf immedjatament il-proċeduri legali kollha b’rabta mal-mandat ta’ inibizzjoni, dment li jintlaħaq ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa u l-MUMN.

F’ittra li bagħtet ilbieraħ lill-Ministeru tas-Saħħa, Steward Health Care Malta qalet li, fid-dawl tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa, l-interess tal-pazjenti jibqa’ fil-qalba tal-attenzjoni tagħha. Fl-ittra qalet ukoll li f’nofs din it-tilwima hemm il-kwistjoni li l-isptar ikollu l-kapaċità sħiħa li jilqa’ għall-imxija tal-COVID-19 kif mitlub jagħmel mill-gvern u għas-saħħa tal-pazjenti u l-istaff.

Fl-istess ittra Steward stqarret ukoll li kienet ferm sorpriża bil-pożizzjoni tal-MUMN, li biha mhux biss ixxekkel dawk l-għanijiet iżda wkoll ma toffri l-ebda proposta għal soluzzjoni prattika jew kostruttiva.

Steward qalet li fl-aħjar interess tal-pazjenti tagħha qed tirriserva d-dritt li tkompli tieħu azzjoni legali kontra l-MUMN b’rabta mad-direttivi li tħabbru lbieraħ mill-union. Dawn kienu reazzjoni għall-mandat ta’ inibizzjoni li kisbet Steward il-Ħadd li għadda, 14 ta’ Ġunju 2020. Qalet li dawn id-direttivi saru b’tentattiv sabiex il-Union tissorvola l-ordni tal-Qorti, u qed jipperikolaw serjament numru ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa f’Għawdex, li Steward hi obbligata legalment u moralment li tipprovdi.

Fl-ittra Steward qalet li lesta tikkunsidra tirtira b’mod immedjat il-proċeduri kollha marbutin mal-mandat ta’ inibizzjoni, jekk jintlaħaq ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa u l-MUMN li jkun ibbażat fuq dawn il-punti:

  • Il-Ministeru jippermetti li l-10 infermiera mil-lista tat-trasferiment għal Għawdex, jiġu rilaxxati sabiex jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (li huma l-ekwivalenti ta’ infermiera barranin)  li Steward kellha tingaġġa, bi qbil mal-Ministeru u l-Union, biex tagħmel tajjeb għal-livelli tal-istaff meħtieġa.
  • Dawn l-10 infermiera jitqiesu apparti mit-8 infermiera li bħalissa huma identifikati għal skopijiet ta’ replacement.
  • Sadattant, l-impjegati barranin li diġà ġew ingaġġati minn Steward għandhom jinżammu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sakemm it-18-il infermier imsemmija hawn fuq  ikunu ġew trasferiti għal Għawdex. Meta jiġri dan, l-impjegati barranin jiġu ttrasferiti għall-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech.
  • L-MUMN tirtira d-direttivi b’effett immedjat.

Steward qalet li temmen li din il-proposta li għamlet ilbieraħ lill-Ministeru tas-Saħħa għandha tkun aċċettabbli kemm għall-Ministeru u anke għall-MUMN, u qed tistenna li tingħata tweġiba pożittiva ħalli din il-kwistjoni tissolva fl-aħjar interess tal-pazjenti tagħha u l-komunità Għawdxija li qed isservi.

Filmati: Miguela Xuereb