Filmat: Inċident bejn ‘security’ u gradwat fit-taraġ tal-Junior College

Filmat li wasal għand Newsbook.com.mt juri ġlieda li seħħet illum fil-G.F. Abela Junior College fl-Imsida bejn uffiċjal tas-sigurtà tal-iskola u student li kien qed jiċċelebra l-gradwazzjoni tiegħu waqt buscade.

Sorsi mill-iskola spjegaw ma’ Newsbook.com.mt kif il-grupp ta’ studenti li kienu għadhom kemm gradwaw marru permezz ta’ buscade jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom. Il-buscades huma ċelebrazzjonijiet annwali li jagħmlu l-istudenti li jkunu għadhom kemm temmew b’suċċess il-korsijiet fl-Università.

Ġie spjegat li grupp ta’ studenti riedu jidħlu jkomplu jiċċelebraw fl-iskola nnifisha. Ir-regolamenti tal-iskola ma jippermettux li persuni li mhumiex studenti tal-iskola jidħlu fil-binja mingħajr permess uffiċjali. Għaldaqstant, l-uffiċjali tas-sigurtà tal-iskola fi dmirhom li jwaqqfu lil dawn l-istudenti.

Minkejja dan, jidher li kien hemm studenti li ddeċidew li jaqbżu l-grada u jidħlu fl-iskola xorta waħda. Newsbook.com.mt jinsab mgħarraf li l-istudenti allegatament kienu verbalment aggressivi. Sorsi spjegaw li student minnhom irritalja fiżikament fuq wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà, liema uffiċjal iddefenda lilu nnifsu b’aggressjoni fiżika wkoll. Dan il-każ jidher fil-filmat ippubblikat minn din il-kamra tal-aħbarijiet.

jinsab mgħarraf li l-istudenti allegatament kienu verbalment aggressivi. Sorsi spjegaw li student minnhom irritalja fiżikament fuq wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà, liema uffiċjal iddefenda lilu nnifsu b’aggressjoni fiżika wkoll. Dan il-każ jidher fil-filmat ippubblikat minn din il-kamra tal-aħbarijiet.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta li hija inkarigata wkoll mill-komunikazzjoni tal-Junior College. Minħabba avvenimenti kurrenti, għad ma kienx hemm possibilità li tiġi kkonfermata x’azzjoni uffiċjali ttieħdet min-naħa tal-iskola fil-konfront tal-uffiċjal tas-sigurtà u l-istudenti inkwistjoni.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-Pulizija ssejħu fuq il-post, madanakollu sakemm dawn waslu fl-iskola, l-istudenti kienu laħqu telqu.