Filmat: Inawgurati kliniċi ta’ għall-kura ta’ saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela inawguraw kliniċi ġodda tal-kura tas-saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi. Dan sar fl- okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali

F’dawn il-kliniċi għadd ta’ timijiet multidixxiplinarji li jinkludu psikjatri, nurses, psikologi, social workers u occupational therapists bdew joffru s-servizzi tagħhom minn dan iċ-ċentru. Din hija waħda mill-bidliet li qegħdin isiru mill-istrateġija nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa mentali.

Fearne spjega li permezz ta’ dawn il-kliniċi persuni li qed jieħdu l-kura għas-saħħa mentali m’għandhomx bżonn bilfors imorru l-Isptar Mater Dei jew l-Isptar San Luqa għas-servizz tal-professjonist iżda jibqgħu fil-komunità stess. Dan peress li għall-ewwel darba wkoll minn dan iċ-ċentru se jingħata servizz minn psikjatri fil-qasam tal-anzjani kif ukoll tad-diżabilità intellettwali.

Lydia Abela faħħret din l-inizjattica li toffri iktar inklużjoni għax tippermetti li dawk li għandhom bżonn is-servizz tas-saħħa mentali jibqgħu fil-kominità. Hija enfassizzat li dawn it-tip ta’ programmi olistiċi jgħinu lill-persuni jkomplu jsaħħu d-dinjità tagħhom u tagħtihom il-kuraġġ li jkomplu bil-ħajja ta’ kuljum, fejn trabbew u ma’ min trabbew.

96% taż-żgħażagħ Għawdxin li ħadu għajnuna ta’ saħħa mentali ma jerġgħux jiddaħħlu l-isptar

Fl-ewwel sena tal-proġett għas-saħħa mentali ibbażat fil-komunità f’Għawdex wera li kien ta’ suċċess wara li kwart tal-persuni li għamlu użu minn dan is-servizz sabu xogħol.

Fi stqarrija l-Malta Trust foundation spjegat li dan il-proġett bl-isem ta’ The Sunrise Project huwa immirat għal żagħżagħ Għawdxin.

Permezz ta’ dan il-proġett, li beda fi Frar 2019, 25 żagħżugħ talbu l-għajnuna ta’ dan is-servizz u 4% biss reġgħu ddaħħlu  l-isptar għall-kura. Dan ifisser li 96% ta’ dawn iż-żgħażagħ ma reġgħux ddaħħlu l-isptar.

F’Għawdex hemm biss żewġ professjonisti li jaħdmu l-isptar ġenerali li jieħdu ħsieb persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali u dan jagħmilha diffiċli biex ileħħqu mad-domanda li dejjem qiegħda tiżdied.

Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-psikjatri, mal-Assoċċjazzjoni Għawdxija għas-Saħħa Mentali kif ukoll mar-Richmond Foundation. Iċ-chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li li dan il-proġett beda sabiex jgħin persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u jidher biċ-ċar li hemm bżonn ta’ iktar bħal dan il-proġett.

Lydia Abela żżur is-servizzi tal-Fondazzjoni Richmond

Il-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela żaret iċ-ċentru tas-servizzi tal-Fondazzjoni Richmond.

F’din iż-żjara Abela saħqet fuq il-bżonn li flimkien nibqgħu nqajmu aktar għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali, kif ukoll tiħi rikonnoxxuta l-ħidma kbira li qed issir minn għaqdiet u entitajiet matul is-sena kollha.

Hija faħħret ix-xogħol li qed isir minn din il-fondazzjoni favur is-saħħa mentali. Fost is-servizzi li jingħataw insibu s-servizz tal-helpline 1770. Dan huwa servizz telfoniku fejn persuna tista’ ċċempel jekk tesperjenza problemi ta’ saħħa mentali. Min iċempel ikun akkumpanjat minn tim ta’ professjonisti li jisimgħu u jassistu lil persuni. Matul din is-sena l-ammont ta’ persuni li ċemplu minħanbba l-ansjetà, is-solitudni, iħossuhom imwarrba u anki bi problemi fil-familji kien ta’ 2,700 persuna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, qalet li din is-sena kien hemm qabża kbira fit-telefonati li jidħlu fuq il-helpline għax qiegħed isir aktar għarfien dwar is-saħħa mentali. Dimech Sant spjegat li t-telefonati li saru din is-sena, kienu effett ta’ kif żviluppat il-pandemija.

Stephania Dimech Sant qalet li fil-bidu daħlu telefonati marbuta mal-ansjetà u nies imħassba dwar il-possibbiltà li jiġu infettati bil-Covid-19. Maż-żmien qalet li żdiedu aktar telefonati ta’ nies li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali u solitudini fejn talbu gwida, min jismagħhom u oħrajn li kellhom bżonn aktar għajnuna. Kien hemm ukoll kumpaniji li talbu l-għajnuna tal-Fondazzjoni għal servizzi għall-impjegati kemm meta bdew jaħdmu mid-dar kif ukoll meta marru lura għax-xogħol.