Filmat: Inawgurati 11-il appartament tal-housing f’Marsamxett

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ 11-il appartament tal-housing, il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux aċċettabbli li mqar familja waħda tkun mingħajr saqaf fuq rasha.

Il-Prim Ministru, inawgura 11-il appartament tal-housing b’investiment ta’ €750,000 f’Marsamxett fil-Belt Valletta. Fid-diskors tiegħu huwa qal li bħala gvern irid jidħol responsabbli għal dawk il-każijiet li ma jistgħux jaslu biex ikollhom saqaf fuq rashom.

Abela spjega li l-proġetti tal-housing ma jinvolvux biss bini ġdid li dan qed isir permezz ta’ €100 miljun mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment  kif ukoll mill-European Investment Bank. Permezz ta’ dawn il-fondi qed jinbnew 1,700 unit ġdid. Il-Prim Ministru żied li qed jiġu identifikati binjiet u jiġu konvertiti f’appartamenti tal-housing.

Dr Abela saħaq li l-Housing se jkun prijorità għall-Gvern immexxi minnu u għalhekk l-Awtorità tad-Djar bdiet proċess ta’ profiling li bih l-Awtorità mhux biss toqgħod fuq l-informazzjoni li tingħata mill-klijent imma tmur u tara f’liema sitwazzjonjiet qed jgħixu u tassessja l-bżonnjiet tagħhom. Il-Prim Ministru aċċerta lil kulħadd li l-ħidma f’dan il-qasam se tkompli u tissaħħaħ.  

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes qal li permezz ta’ dawn il-proġetti mhux biex qed jissebbħu l-bliet u l-irħula permezz ta’ riġenerazzjoni ta’ binjiet li kienu bla użu imma qed jagħtu ambjent ta’ dar lil dawk l-aktar li għandhom bżonn.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega li r-riġenerazzjoni ta’ Marsamxett qed twassal għal benefiċċji soċjali, ekonomiċi u kulturali. Żied li l-awtorità qed taħdem fuq blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali oħrajn fil-Belt Valletta fost ħidmiet oħrajn. 

Il-Ministru Borg qal, “Se nibqa’ naħdem biex naraw li l-assi tal-poplu jgawdi minnhom il-poplu, filwaqt li nikkonservawlhom il-valur. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma siewja mid-diversi awtoritajiet li jaqgħu fi ħdan il-ministeru li ġejt fdat bih.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li bdiet riġenerazzjoni sabiex il-Belt Valletta tkun għan-nies u minn binja abbandunata se ssir akkomodazzjoni soċjali għal numru ta’ familji l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà Maltija.

Il-unjins huma kruċjali għat-titijib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema – Il-PM

Intant waqt laqgħa mal-amministrazzjoni tal-General Workers Union, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jemmen fil-ħaddiema kollha u l-Gvern se jkompli jaħdem biex dawn ikollhom ħajja aħjar.

Dr Abela tkellem dwar it-tredjunjoniżmu għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll dwar il-ħlas għal xogħol ta’ valur ugwali. Huwa qal li ilu jitkellem dwar dan il-fattur minn mindu kien deputat parlamentari fl-2017. Żied li dan il-kunċett daħal fis-setturi tal-Gvern għandu jimxi għas-settur privat ukoll.

Il-Prim Ministru ddiskuta mal-amministrazzjoni tal-GWU is-sħubija mandatorja fi trade union. Huwa qal li min-naħa tiegħu jaqbel ma’ din il-proposta għax twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet u fl-interessi tal-ħaddiema, fost oħrajn meta jkun hemm negozjar ta’ ftehimiet kollettivi.