Filmat: Inawgurata trakka ġdida tal-go karts f’Ħal Far

Il-Gvern fetaħ it-trakka l-ġdida tal-go karts f’Ħal Far li saret b’ħidma kollaborattiva bejn il-klabb Island Karting Club u Infrastructure Malta. L-investiment totali laħaq il-€550,000.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li t-trakka tal-go karts twila 937 metru u ta’ livell internazzjonali. Huwa kien qed iżur it-trakka dalgħodu mal-President tal-Island Karting Club Jason Mangion.

Fost ix-xogħol li sar fuq din it-trakka, kien hemm tindif ta’ ħamrija, xogħlijiet infrastrutturali ta’ servizzi ta’ ilma u dawl, asfaltar, għamara ta’ sigurtà u ħamrija fir-run-off areas favur is-sigurtà tax-xufiera li jkunu qegħdin itellqu.

Din it-trakka ġdida se tippermetti opportunitajiet ġodda għal taħriġ u tlielaq aktar sikuri, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kategoriji bħal KZ li qabel qatt ma kien hawn faċilitajiet adekwati għalihom. L-użu tat-trakka se jinkludi wkoll il-mini moto u l-motards, kif ukoll użu għal testing mill-istudenti Universitarji li jiżviluppaw go kart bħala parti mill-esperjenza tagħhom.

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport ferħet lil Island Karting Club għall-inawgurazzjoni tal-korsa tal-karting f’Ħal Far aktar kmieni llum mill-Onor Ian Borg. Il-Federazzjoni hija grata lejn il-Ministru u kull min kien involut fosthom Infrastructure Malta għall-appoġġ tagħhom fit-tlestija ta’ din il-korsa tal-karting li hija tant meħtieġa għall-progress tal-Motorsport f’Malta.

Il-Federazzjoni spjegat li l-Karting huwa kkunsidrat bħala l-ewwel pass fil-karriera ta’ sewwieqa fid-dinja tal-motorsport. Karting jista’ jgħin biex sewwieq jiżviluppa riflessi ta’ malajr, ikollu iktar kontroll tal-karozza fil-preċiżjoni, speċjalment fil-ħila ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet malajr biex b’hekk ikun hawn sewwieqa aħjar fit-toroq.