Filmat: Inawgurata Pjazza San Franġisk f’Għawdex

Ilbieraħ ġiet inawgurata Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex wara li sar xogħol fuqha b’investiment ta’ €2 miljun.

Il-pjazza ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Robert Abela li kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Madanakollu, illum il-pjazza ma kinitx miftuħa għat-traffiku. Meta Newsbook.com.mt staqsa lil xi uffiċjali ta’ Transport Malta dwar meta kienet se tinfetaħ però dawn ma kinux jafu t-tweġiba. Fuq il-midja soċjali diversi persuni ma kinux kuntenti li tħallew mingħajr informazzjoni dwar meta n-nies se jkunu jistgħu jaċċessaw din il-pjazza.

Beppe Galea

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-proġett inkluda bosta xogħlijiet fosthom żieda fiż-żoni pedonali, installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal fil-pjazza, issaħħew is-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita u twaħħlet għamara ġdida ta’ barra sabiex il-pubbliku jkun jista’ jpoġġi u jistrieħ waqt li jgawdi din il-pjazza. Intqal li jgħaddu mijiet ta’ vetturi minn din il-pjazza fi triqithom lejn bosta lokalitajiet oħrajn.

Il-Prim Ministru qal li investiment fi pjazza bħal din jirrifletti l-ħsieb ta’ dan il-gvern li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

“Il-pjazez jagħmluhom pjazez in-nies u mhux il-ġebel, iżda b’investiment bħal dak li qed ninawguraw illum, in-nies qed ngħidulhom biex joħorġu u jgawdu ħin mill-isbaħ mal-familji tagħhom,” stqarr Dr Abela.

“Iddedikajna ħafna riżorsi biex din il-pjazza fiċ-ċentru tar-Rabat tlestiet fl-iqsar żmien possibbli bl-inqas inkonvenjent għar-residenti. L-infrastruttura mhijiex biss l-asfalt li jingħata lit-toroq. L-infrastruttura tfisser ukoll li nirriġeneraw il-pjazez tagħna għax huma ċ-ċentru tal-attività ta’ kull belt jew raħal”, qal il-Ministeru għal Għawdex.

F’Jannar tal-2018 tnieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-pjazza. It-tender għax-xogħlijiet ħareġ f’Settembru tal-2018. L-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet ħabbret li beda x-xogħol f’April tal-2019.