Filmat: Inawgurat ċentru għall-familji fil-bżonn f’Marsalforn

DOI - George Scerri

Ġie inawgurat Ċentru għall-Familja fil-Komunità f’Marsalforn li se jilqa’ nies li għandhom bżonn għajnuna soċjali.

Dan iċ-ċentru se jkun immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) u għandu l-għan li, bi professjonisti fil-qasam, jaqdi funzjoni soċjali importanti f’Marsalforn, lokalità li l-karatteristika u l-bżonnijiet tagħha nbidlu f’dawn l-aħħar snin.

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li dan iċ-ċentru se jsaħħaħ il-ħidma soċjali f’Għawdex u se jwieġeb għad-domanda u r-realtajiet tas-soċjetà tal-lum. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana appellat għas-sensittività u l-ħarsien tal-privatezza tal-persuni li se jkunu qed jirrikorru għall-assistenza f’dan iċ-ċentru.

Id-Direttur tal-FSWS il-Monsinjur Joe Vella Gauci u l-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti qalu li dan il-post ser ikun strumentali fl-inklużjoni soċjali u stiednu lill-membri tas-soċjetà ċivili biex flimkien mal-professjonisti jagħtu sehemhom fit-tmexxija dan iċ-ċentru.