Filmat: “In-nisa wkoll jistgħu jiżżewġu lil Ġesù”

Gruppi ta' żgħażagħ Għawdxin fosthom grupp ta' żgħażagħ min-Nadur, fi tmiem din il-ġimgħa kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma' Antonella Duilio, l-ikkonsagrata tal-Ordni tal-Verġni mid-Djoċesi ta’ Aversa fl-Italja.
Dwar il-laqgħa ma' Antonella li matulha qasmet l-esperjenza tas-sejħa tagħha, iż-żgħażagħ qalu li hu importanti li jisimgħu dawn l-affarijiet għax ikunu jafu x'possibilitajiet oħra għandha l-mara. Fost l-oħrajn semmew kif mill-esperjenza ta' Antonella tgħallmu li anke n-nisa jistgħu jiżżewġu lil Ġesù.
Antonella ltaqgħet ukoll mal-membri tal-Knisja fejn qasmet l-esperjenza tagħha ta’ persuna li kkonsagrat ħajjitha kollha lil Alla. Iltaqgħet ukoll ma’ xebbiet ikkonsagrati fid-Djoċesi ta’ Għawdex kif ukoll mal-aħwa membri tal-Ordni tal-Verġni f’Għawdex.  Kellha wkoll udjenza privata mal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.
Fl-okkażjoni tal-Adorazzjoni għall-Kleru Għawdxi, li nżammet fis-Santwarju tal-Fontana fis-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù, Antonella għamlet riflessjoni bit-tema “Il-konsagrazzjoni: Att ta’ mħabba”. 
Is-Sibt filgħodu ltaqgħet mas-superjuri tas-Seminarju Djoċesan u s-seminaristi.
L-għan ta’ din iż-żjara, propju fil-qalba tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata, hu li fost l-Insara lokali jinħoloq iżjed għarfien ta’ din il-vokazzjoni fi ħdan il-Knisja.
L-Ordo Virginum hija ħajja ta’ mixi wara Kristu b’mod aktar mill-qrib, għaqda ma’ Kristu fi żwieġ mistiku, u qadi  għall-Knisja. 
F’Għawdex l-ewwel Konsagrazzjoni ta’ Verġni f’dan l-Ordni saret fit-12 ta’ Mejju 2013.
Dr Antonella Duilio, psikologa u psikoterapista, hi kollaboratriċi fil-formazzjoni psikoloġika tas-seminaristi fis-Seminarju ta’ Aversa u ta’ Napli.