Filmat: “In-nisa għandhom jimirħu u jiftħu negozju għal rashom” – Direttriċi ta’ fabbrika

Angele Xerri, direttriċi tal-fabbrika Silver Craft appellat lin-nisa biex meta jaħsbu għall-impjieg ma jħarsux biss lejn xogħol klerikali iżda jimirħu u jiftħu negozju għalihom.
Fl-isfond taċ-ċifri miġbura mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li juru li n-nisa fid-dinja tax-xogħol żdiedu bi 18,000 matul dawn l-aħħar erba’ snin,  saret żjara mill-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo u mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona fil-fabbrika Silver Craft.
Ma’ Newsbook.com.m Xerri rrakkontat l-esperjenza tax-xogħol tagħha li tmur lura fl-1972, fi żmien li ma kienx daqstant komuni li n-nisa joħorġu fid-dinja tax-xogħol.
Xi ftit jew wisq dan l-isfond soċjali affettwa wkoll lil Angele Xerri, li kif spjegat kellha mumenti ibsin minħabba li l-lant tax-xogħol kien iddominat mill-irġiel u kull meta kienet tmur biex tinnegozzja kienet tiltaqa’ biss ma’ rġiel.
Madankollu dan kollu ma qatgħalhiex qalbha u baqgħet timraħ ’il quddiem u dejjem żammet quddiem għajnejha fejn tixtieq tasal u rat kif għamlet biex tasal.
Il-ħajja tax-xogħol offritilha għadd ta’ esperjenzi, fosthom anke ftit diffiċli. Hija rrakkontat meta l-kumpanija daħlet fil-bojkott ta’ Iżrael. Dan hekk kif kienet bagħtet ittra dwar konsenja u minflok marret fl-indirizz it-tajjeb marret lejn Iżrael fi żmien li kien hemm il-bojkott għal Iżrael. Spjegat li minkejja li kellha t-tifel għadu żgħir hija telgħet l-Ingilterra bit-tifel biex tinnegozzja mal-propjetarju tal-kumpanija kkonċernata mill-Arabja Sawdija. Minn hemm hija rnexxielha tasal fi ftehim biex il-konsenja tmur lejn il-Ġappun u minn hemm terġa’ tmur Arabja Sawdija. Saħqet li kieku ma rnexxilhiex tilħaq il-ftehim il-kumpanija setgħet tfalli minħabba li ma kinitx kumpanija kbira ħafna.
Minkejja li tirrikonoxxi li din kienet waħda mill-agħar esperjenzi tagħha hija tħares lejha b’sodisfazzjon għax irnexxielha ssolviha.
Esperjenza oħra li tibqa’ ttimbrata f’moħħ Angele Xerri hija meta kienet qed tinnegozzja ma’ kumpanija Għarbija u s-sid tal-kumpanija ma riedx jinnegozzja magħha għax hi mara. Spjegat li hi ma qatgħetx qalbha u baqgħet tissielet sakemm irnexxielha tilħaq il-ftehim.
Minkejja li s-soċjetà mxiet ’il quddiem u għadd ta’ nisa qed joħorġu jaħdmu, Angele Xerri spjegat li għad hawn nuqqas kbir ta’ nisa fejn jidħol xogħol tal-fiber glass. Spjegat li għadd ta’ nisa jaħdmu fl-amministrazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-mara tista’ tavvanza anke jekk għad hemm sfidi b’xi preġudizzji kontriha l-mara. Spjega li l-bniet qed imorru aħjar mis-subien fil-qasam edukattiv. Min-naħa tiegħu Chris Cardona qal li hemm bżonn li aktar nisa jidħlu fil-qasam intraprenditorjali biex juru l-kapaċitajiet u l-kreattività tagħhom.
Filmat u ritratt: Ian Noel Pace