Filmat: In-neputi ta’ Rennie jiġi bżonn Puttinu wkoll

Ben, in-neputi ta’ Rennie Zerafa, il-fundatur ta’ Puttinu Cares, fl-età ċkejkna ta’ sitt xhur kellu jitla’ l-Ingilterra sabiex jagħmel trapjant f’qalbu, u għalhekk hu ukoll ġie bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares. 
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Ylenia Lapira, omm Ben spjegat kif Ben twieled normali u saru jafu li għandu l-problemi f’qalbu madwar xahrejn wara t-twelid, meta ħaditu l-isptar għall-ewwel titqiba. 
Ylenia spjegat li sabulu bħal bużżieqa f’qalbu (murmur) iżda minħabba li t-tifel kien għadu qed jiżviluppa kellhom jistennew xahrejn.
Wara numru ta’ testijiet u appuntamenti rriżulta li Ben kellu erba’ difetti f’qalbu, fosthom toqba f’qalbu u l-bżonn li tinbidillu l-ikbar arterja fil-ġisem tal-bniedem li tibda mill-qalb. 
“Fl-operazzjoni ħarġulu qalbu; Puttinu kien hemm għalina”
Ylenia spjegat ukoll minn xiex għadda Ben f’Londra, fejn f’operazzjoni sensittiva, kellhom joħorġulu qalbu minn ġismu, jagħmlulha dak li sejjħitlu patch u jerġgħu jagħmluha f'postha.
Spjegat li matul iż-żmien li Ben kien l-ITU, Ylenia u l-għarus tagħha għexu fl-appartamenti tal-isptar, iżda meta t-tifel tmexxa mill-ITU għal ward oħra kellhom joħorġu. 
Sabiex ma jħallux it-tifel waħdu l-isptar, Ylenia u l-għarus tagħha rrifjutaw li jużaw l-appartamenti ta’ Puttinu Cares sabiex ma jħallux lit-tifel waħdu l-isptar matul il-lejl, hekk kif l-isptar jinsab fiċ-ċentru ta’ Londra, filwaqt li l-appartamenti ta’ Puttinu jinsabu f’Sutton, post fil-periferija ta’ Londra. 
Minflok, għal xi ġimgħat kienu jorqdu jew fil-waiting rooms, inkella fil-kamra tat-tifel. Wara li t-tifel ħareġ mill-isptar marru jgħixu fl-appartamenti ta’ Puttinu. 
“Ben illum jiġri u jilgħab bħal tfal oħra”
Bi tbissima fuq wiċċha, omm Ben sostniet li llum Ben jinsab kuntent jilgħab u jiġri bħal tfal oħra.
Qalet li fiż-żmien meta t-tifel kien għaddej mill-operazzjonijiet, kemm-il darba kienet tistaqsi lilha nnifisa u tgħid: “Għaliex jien? Għaliex it-tifel tiegħi?”  Dan b’mod speċjali meta kienet tara lit-tifel fis-sodda u ma tkun tista’ tagħmel xejn biex tgħinu jħossu aħjar.
“Qatt ma tista’ tgħid meta xi ħaġa hekk se tolqot lilek”
Fl-intervista, Ylenia nsistiet kemm hu importanti li kull min jista’ jagħti donazzjoni hekk kif qatt ma tista’ tgħid meta każ bħal dan se jiġri lilek.
Fakkret ukoll kif Puttinu m’għadux jgħin biss lit-tfal, iżda tgħid li dawk kollha li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura se jsibu lil Puttinu lest biex jgħinhom.
Għin lil Puttinu fil-Ġimgħa l-Kbira waqt Xarabank
Kull xahar jitilgħu bejn 70 u 90 pazjent Malti f'Londra għall-kura. Puttinu jgħinhom billi jipprovdi akkomodazzjoni u sapport ieħor biex itaffi l-piż.
Sabiex ikun jista’ jgħin iktar pazjenti u l-familji tagħhom, Puttinu għandu bżonn aktar għajnuna finanzjarja sabiex jitwettqu l-proġetti, viċin l-isptarijiet, fil-qalba ta’ Londra.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, għin lil Puttinu jwettaq din il-ħolma billi tagħmel id-donazzjoni tiegħek waqt il-programm Xarabank fuq TVM.

Filmat: Ian Noel Pace; Ritratt: PhotoCity Malta