Filmat: “In-negozjati ma’ Steward konklużi u lesti” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-negozjati ma’ Steward Health Care huma “konklużi u lesti”.

Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb għal mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt biex jgħid f’hiex waslu n-negozjati ma’ din il-kumpanija li qed tieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ tliet sptarijiet, inkluż l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa kienet ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt, li saru diversi laqgħat biex ikun massimizzat il-potenzjal li Steward Healthcare jista’ jġib lis-settur tas-saħħa permezz tal-partnership agreement. Il-Ministru Fearne iżda ma kkonfermax dwar liema partijiet qed jinnegozja ma’ Steward.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-isptar ġdid għal Għawdex u l-iskola medika qiegħdin “on the way” meta wieġeb dwar meta kien se jitlesta l-proġett ta’ sptar ġdid hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Huwa kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti wara li fetaħ iċ-Ċentru tal-Anatomija li jifforma parti mill-Kampus ta’ Barts f’Għawdex.

Bħalissa, il-Prim Ministru qal li fl-iskola ta’ Barts hemm 59 student li qiegħdin fl-ewwel u fit-tieni sena tal-programm edukattiv li fil-parti l-kbira tagħhom huma student ġejjin mill-Unjoni Ewropea, l-biċċa l-kbira mir-Renju Unit iżda semma 14-il pajjiż ieħor li minnhom ġejjin dawn l-istudenti

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ taċ-Ċentru tal-Anatomija, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministri Chris Fearne, Chris Cardona u Justyne Caruana.