Filmat: “In-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet” – Borg

Read in English.

Il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Dione Borg qal li bosta Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet.

Dan qalu hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt mis-sala tal-għadd tal-voti hekk kif issa il-ħin dejjem qed joqrob sabiex jiġu żvelati r-riżultati uffiċjali. Aktar kmieni, sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ żewġ siġġijiet.

Meta mistoqsi dwar x’wassal għal din ir-rebħa li l-Partit Laburista qed isejħilha storika, Borg sostna li kien hemm diversi fatturi. Qal li jidher ċar li ż-żewġ partiti kellhom kampanji differenti. Qal li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet iffukata fuq il-problem, filwaqt li l-Partit Laburista kellu kampanja personali man-nies. Tenna li jidher li l-kampanja tal-PL kienet aktar effettiva.

AQRA: X’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar?

Kompla jgħid li jemmen li kien hemm bosta partitarji Nazzjonalisti li ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet tant li semma li kien hemm lokalitajiet fejn eluf kbar ma ħarġux jivvutaw. Insista li dan bla dubju huwa riżultat li l-PN irid jaħdem ħafna fuqu. Għaldaqstant sostna li mhux se jaqtgħu qalbhom minkejja li t-triq hija twil ħafna u diffiċli.

Hekk kif jidher li Borg mhux se jirnexxielu jakkwista siġġu tal-PN fil-Parlament Ewropew, Newsbook.com.mt staqsa għar-reazzjoni tiegħu dwar dan. Borg sostna li din kienet esperjenza eċċezzjonali li kull kandidat għandu jidħol għaliha b’impenn. Sostna li wieħed għandu jħares lejn din l-elezzjoni bħala pjattaforma biex jgħin lill-partit li jemmen fih u l-prinċipji li jemmen fihom. Insista li huwa sodisfatt ħafna bil-kampanja li għamel għaliex tkellem dwar dak li jemmen fih bla ma kellu rbit illi jista’ jkollu effetti konsegwenzjali wara. 

AQRA: “M’iniex se nirreżenja” – Delia