Filmat: In-NASA akkużata li qed taħbi l-evidenza tal-UFOs

In-NASA tinsab akkużata li kull darba li jidher UFO fl-isfond, taqta’ l-filmat dirett mill-istazzjoni spazjali internazzjonali.
Osservaturi rrimarkaw li dan ix-xahar, in-NASA qatgħet il-filmat darbtejn, hekk kif fl-isfond jidhru oġġetti misterjużi.
Wieħed mill-osservaturi li kien intervistat fuq stazzjon televiżiv Amerikan qal li n-NASA qed tneħħi l-filmati mill-arkivji wkoll u fi kliemu dan qed isir biex ma joħroġx fil-beraħ, li l-astronawti jagħmlu kuntatt mal-aljeni.
Kelliem għan-NASA qal li ħafna mid-drabi dak li jidher bħala oġġett misterjuż fil-kameras ikun biss trab mal-lenti jew inkella raġġ ta’ dawl mix-xemx.
Professur mill-Imperial College ta’ Londra saħaq li mill-filmati tad-dilettanti huwa impossibbli li jiġi kkonfermat li l-oġġetti huma mezzi tat-trasport tal-aljeni.