Filmat: In-Nannu Ċens dalwaqt ikun magħkom

Matul dan ix-xahar stennew li tiltaqgħu ma’ karattru ġdid fuq it-televiżjoni, dak tan-Nannu Ċens. Din se tkun sensiela ta’ ħames puntati li l-istazzjon One se jxandar kuljum mit-Tnejn 23 ta’ Diċembru.

Din se tkun l-ewwel serje ta’ Mixta Drama fuq it-televiżjoni lokali. Se jkunu qed jintwerew għal ħames t’ijiem sħaħ fil-11 ta’ filgħodu, b’repetizzjoni tal-istess episodju dakinhar stess fis-7 ta’ filgħaxija.

Charles Falzon

In-Nannu Ċens kien joqgħod mal·familja t’ibnu,bit-tliet neputijiet, Irene, Tony u Marisa dejjem iduru madwaru. ll-praspar li kien jidħol fihom in-Nannu, jew li kienu jdaħħluh fihom it-tfal, bilkemm jitwemmnu. Imma ġraw tassew u daqqa l-vittma jkun in-nannu u daqqa jkunu t-tfal.

Il-karattru tan-Nannu Ċens, għalkemm ġdid fuq it-televiżjoni, huwa diġà magħruf ma’ ħafna peress li huwa l-karattru maħluq mill-pinna ta’ Trevor Żahra u li kien ukoll ippubblikat fi ktieb.

L-addattament televiżiv huwa ta’ Domnic Said u fil-parti ewlenija tan-Nannu Ċens se naraw lill-attur Charles Falzon. It-tfal huma interpretati minn Ileana Cutajar, Neil Attard u Mireille Mifsud. Il-partijiet tal-ġenituri jinterpretawhom Clayton Pace u Stephanie Sacco.

Clayton Pace

Bosta atturi se jkunu qerd jidhru bħala mistiedna speċjali f’xi puntata jew oħra. Dawn jinkludu lil Sandra Davis, Sandra Vella, Lenies Gauci, David Rizzo, Chris Caruana, Louis Gatt, Joe Farrugia “Id-Dulli”, u Mario Camilleri. Id-direzzjoni hija ta’ Clayton Pace.