Read in English.
Ħafna huma dawk li llum użaw il-midja soċjali biex jawguraw lil Georgia Galea f’għeluq il-100 sena tagħha.
In-nanna Georgia hija omm ta’ 11, u hija devota kbira ta’ San Ġorġ.
L-Għawdxija ta’ 100 sena ilha kważi dawn l-aħħar sentejn f’Dar Sant’Anna fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Minħabba li bħal ħafna anzjani oħra Georgia ma jistax ikollha żjarat, il-filmati ta’ awguri qed jitwasslu lilha permezz ta’ nies li jinsabu f’kuntatt f’Dar Sant’Anna, biex b’hekk hi tkun tista’ tara dawn l-istess filmati.
Fost dawk li awguraw lin-nanna Georgia f’għeluq sninha kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna li rrefera għall-ħajja bħala fjura delikata u fl-istess waqt prezzjuża.
Gina Hili, waħda mill-ulied ta’ Georgia wriet placard li kienet preparat għaliha biex tmur biha quddiem ir-residenza imma bħalissa dan ma kienx possibbli. Appellat lin-nies li għandhom aċċess għall-midja soċjali biex juru lil Nanna Georgia dak li kien ippjanat għaliha.

In-neputija tagħha, Alessandra Dee Crespo kitbet fuq Facebook dwar il-karattru pożittiv tal-anzjana.
Aktar awguri waslu wkoll waslu mingħand Giuseppe Nicodemo, ħabib tal-familja u kantant fil-kor papali tal-Kappella Sistina li ffilmja lilu nnifsu jkanta messaġġ ta’ awgurju lil Georgia.
L-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li issa jinsab jaħdem fi Brussell, ukoll bagħat il-messaġġ ta’ awgurju lin-nanna Georgia.
newsbook.com.mt jawgura wkoll lil Georgia f’għeluq sninha.