Filmat: In-Nadurin lesti joffru post lill-Isqallin

F’dawn il-jiem ta’ inkwiet fi Sqallija minħabba t-terremoti marbuta mal-iżbroff tal-vulkan Etna, in-Nadurin ħasbu fl-Isqallin. Is-Sindku tan-Nadur Edward Said indika li n-Nadur lest jospita vittmi tat-terremot. Said qal li Malta tinsab biss titjira ta’ 20 minuta ‘l bogħod u għaldaqstant sostna li “rridu nkunu lesti li ngħinu lil ħutna”.

Is-Sinku ta’ Zafferana Alfio Russo u s-Sindku tan-Nadur Edward Said.

Spjega li minħabba li l-Kunsill Lokali daħal f’ġemellaġġ mar-raħal ta’ Zafferana ħassew il-ħtieġa li joffru l-għajnuna tagħhom u saħaq li n-Nadur se jara kif jista’ jgħin b’mod finanzjarju, materjali u possibilment anke ta’ rifuġju.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tan-Nadur qal li huwa qed iżomm kuntatt mas-Sindku ta’ Zafferana Alfio Russo. Qal li f’kuntatt miegħu aktar kmieni qallu li qed jistennew aktar theżżiż minħabba li ż-żona għadha mhix stabbli.

B’popolazzjoni ta’ kważi 10,000 persuna, Zafferana Etnea, raħal fil-provinċja ta’ Katanja, ntlaqtet mit-terremot li ġie mkejjel li kellu qawwa ta’ forza 4.8 fuq l-iskala Richter.

Qal li matul il-lejl f’parti minn Zafferana it-terremot ġarraf numru ta’ djar bil-konsegwenza li għadd ta’ persuni ma setgħux jirritornaw lura lejn djarhom. Spjega li l-Kunsill ta’ Zafferana għaddej b’ħidma flimkien mal-Protezzjoni Ċivili biex jippruvaw isibu post alternattiv għal dawn il-vittmi.