Filmat: Impatt ħażin fuq Malta jekk neħlu mill-Moneyval – accountants

Nofs l-accountants milquta ħażin ħafna mill-coronavirus, ebda għajnuna mill-Gvern

Jekk Malta ma tgħaddix mill-eżami tal-Moneyval, u pajjiżna jispiċċa grey-listed, l-impatt fuq Malta u r-reputazzjoni tiegħu jkun fenomenali. Dan sostnih Fabio Axisa, il-President tal-Malta Institute of Accountants (MIA) waqt intervista matul il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart.

Axisa esprima t-tama tiegħu li bħalissa għaddejja ħidma intensiva biex Malta toħroġ minn din is-sitwazzjoni diffiċli, u spjega li hemm element tekniku dwar il-liġijiet u l-proċessi meħtieġa, u ieħor politiku, li huwa l-impenn li din il-problema tittieħed bis-serjetà. 

Mistoqsi jekk jaħsibx li sar progress, huwa spjega li l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus fiha tliet aspetti fundamentali: is-superviżjoni, il-prosekuzzjoni u eventwalment il-konfiska ta’ assi marbuta mal-ħasil ta’ flus. Dwar is-superviżjoni Axisa qal li jidher li sar progress sostanzjali f’dan il-qasam, iżda fuq iż-żewġ elementi l-oħra ftit li xejn hu konvint. 

Madankollu, huwa żied jgħid li huwa diffiċli tieħu pożizzjoni ċara dwar dak li qed jiġri għax il-Gvern qed ikun xott ħafna fl-informazzjoni dwar dan is-suġġett tant kruċjali. Huwa faħħar il-mod li bih il-Gvern mexxa l-komunikazzjoni waqt il-pandemija tal-coronavirus, u appella biex metodu simili jinżamm anke f’dan il-qasam li huwa tant importanti għall-ekonomija Maltija. Bħala eżempju, semma l-Gvern tal-Latvja li, affaċċjat bl-istess sitwazzjoni, jikkomunika regolarment mal-mezzi tax-xandir permezz ta’ stqarrijiet tekniċi mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u stqarrijiet politiċi mill-Prim Ministru tal-pajjiż.

Fabio Axisa appella biex fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus jinġibed ħabel wieħed. “Hu inutli li nippuntaw subgħajna lejn dak jew l-ieħor, jew lejn il-professjonisti biss.” Spjega kif il-proċess biex tinqabad attività kriminali f’dan is-settur huwa katina. “Biex ikollna sistema li taħdem, għandek bżonn qafas leġislattiv b’saħħtu, l-operaturi, fosthom banek u professjonisti, li kif jaraw xi ħaġa suspettuża jirrapurtaw, u fl-aħħar l-investigazzjonijiet mill-FIAU u l-Pulizija. Dawn kollha jridu jagħtu l-kontribut tagħhom.”

Il-pandemija tolqot ħażin lill-professjonisti

Fabio Axisa tkellem ukoll dwar l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fuq il-professjonisti kollha, mhux biss dawk rappreżentati mill-Istitut li jippresjedi hu, l-accountants, iżda wkoll oħrajn fosthom periti u avukati. 

Huwa spjega kif dawn il-professjonisti jiddependu mill-andament ekonomiku ġenerali tal-pajjiż u mill-prestazzjoni tan-negozji f’Malta. Meta dawn tal-aħħar, fosthom lukandi, ristoranti, ħwienet u oħrajn ħassew id-daqqa tar-restrizzjonijiet imposti, l-impatt eventwalment inħass mill-professjonisti wkoll.

Fi stħarriġ ikkummissjonat mill-Istitut, irriżultata li nofs l-accountants intlaqtu bl-agħar mod possibbli mill-pandemija, minn ħażin sa kritiku. Dan l-impatt inħass minn tliet aspetti: l-ammont ta’ xogħol u proġetti għall-futur; mid-diffikultà tal-klijenti biex iħallsu; u eventwalment l-impatt fuq il-kundizzjonijiet offruti lill-impjegati tagħhom.

Axisa sostna li filwaqt li l-miżuri mnedija mill-Gvern biex jixprunaw l-ekonomija kienu tajbin u f’waqthom, il-professjonisti kienu diżappuntati li ma sabu ebda forma ta’ għajnuna minkejja li sofrew telf sostanzjali matul dan il-perjodu.

Mistoqsi jekk iħossx li wħud mill-professjonisti fil-qasam tal-accountancy setgħux aġixxew aħjar fl-aħħar snin, Axisa qal li filwaqt li kien hemm każijiet ta’ mġiba ħażina, il-maġġoranza assoluta tal-professjonisti f’dan is-settur isegwu l-liġi b’sens ta’ etika fil-qasam tax-xogħol tagħhom. Huwa spjega kif l-Istitut jieħu l-passi meħtieġa kontra minn hemm bżonn mingħajr ħafna daqq ta’ trombi iżda fakkar li r-regolatur tal-professjoni huwa l-Accountancy Board. 

Dwar dan, huwa sostna li dan il-Bord m’għandux ikun appuntat u finanzjat mill-Gvern, iżda għandu jkun indipendenti u finanzjat mill-imsieħba fis-settur.