Filmat: Imniedi l-Victoria International Arts Festival

Waqt it-tnedija ta’ dan l-appuntament annwali, il-Ministru Justyne Caruana għal Għawdex faħħret il-ħidma li issir biex jittella’ festival bħal dan li hu mifrux fuq ħames ġimgħat fejn minn festival li beda fuq livell lokali, illum sar festival internazzjonali u li qed jattira lejn Għawdex ismijiet stabbiliti fix-xena tal-mużika klassika.

“Permezz tal-Gozo Cultural Support Programme imniedi mill-Kunsill għall-Arti f’Malta, l-organizzaturi għandhom serħan il-moħħ li bil-fondi li qed jingħataw, ikunu jistgħu jtellgħu produzzjonijiet ta’ kwalità u jippjanaw fit-tul, peress li kull sottomissjoni ġiet sostnuta fuq medda ta’ tliet snin. Dan qed iwassal biex mhux biss żdiedet l-attendenza għal dawn l-attivitajiet imma l-udjenza tkun waħda ta’ kwalità għax illum il-ġurnata dan il-festival għamel isem għalih,” qalet il-Ministru Caruana.

Hija temmet tgħid li l-kultura fid-diversi aspetti tagħha għandha tiġi sostnuta u issir aktar aċċessibli għal kulħadd.

MGOZ / Terry Camilleri

Id-Direttur Artistiku tal-festival, Dun George Joseph Frendo qal li il-prinċipji li jsawru dan il-festival dejjem kienu l-aspetti kulturali u dawk edukattivi. Hu spjega li dan jiġi manifestat f’għadd ta’ kunċerti u sessjonijiet oħra ta’ informattivi.

Mary Ann Cauchi mill-Kunsill Malti għall-Arti qalet li l-Victoria International Arts Festival hu proġett ewlieni li għandu s-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-iskema Gozo Cultural Support Programme.

Il-Victoria International Arts Festival jiftaħ fit-12 ta’ Ġunju u jibqa’ sejjer sal-15 ta’ Lulju. Id-dħul għal dawn is-sessjonijiet huwa b’xejn.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: http://www.viaf.org.mt/