Filmat: Imħabbar proġett ta’ €6 miljun għax-Xatt ta’ Marsaxlokk

Għall-aħħar ta' dan ix-xahar mistenni jibda proġett b'investiment ta' €6 miljun għar-riġenerazzjoni tax-Xatt ta' Marsaxlokk.
Il-proġett tħabbar dalgħodu mill-Ministru Konrad Mizzi fejn spjega li dan mistenni jitlesta fi żmien sentejn.
Fl-ewwel fażi tal-proġett se jkunu qed jinfetħu toroq ġodda li għandhom l-għan li jiċċirkolaw aħjar it-traffiku u titnaqqas il-konġestjoni mill-qalba tar-raħal u x-xatt.
Iktar tard mistenni jinbena parkeġġ ġdid biex isolvi l-problema attwali partikolarment fil-ħinijiet li jarma s-suq.
Barra minn dan, mistenni jiġi żviluppat ġnien ġdid fin-naħa tal-Magħluq waqt li se jiġi estiż il-pavimentar bejn il-Magħluq u t-Torri ta' San Luċjan.
Matul dawn il-jiem qed isiru taħdidiet mal-bejjiegħa tal-monti u konsultazzjoni pubblika biex il-gvern ikun jista' jsegwi r-reazzjonijiet li se jġib miegħu dan il-proġett.