Filmat: “Ilni sena ma narax lil uliedi minħabba gideb tas-social worker” – missier

Ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli. Sfortunatament nisimgħu ta’ sikwit b’nisa u tfal abbużati, min b’mod u min b’ieħor. Newsbook.com.mt iltaqa’ ma’ Paul*, missier ta’ żewġt it-tfal żgħar.
Meta ċempilli dam ftit biex qalli l-problema tiegħu għax, bħala raġel, ma ħassux komdu jispjega minn xiex inhu għaddej. Paul sab il-kuraġġ li jitkellem wara li ra l-intervista ma’ Abigail li xxandret ftit tal-ġimgħat ilu fuq dan is-sit.
Stqarr mill-bidu nett li ma tantx kellu fiduċja li se jiġi emmnut. Tlabtu jirrakkontali u saħaq li wara li s-sieħba tiegħu telqet mid-dar, inqatagħlu l-aċċess biex jara lil uliedu.
Huwa allega wkoll li s-sieħba tiegħu kienet “tgħosfor” mid-dar u kienet anke tabbużah kemm fiżikament u kemm mentalment. 
“Mhux darba jew tnejn li kont inkun qed nagħmel xi ħaġa u tiġi minn wara taqbadli l-parti tiegħi u tibqa’ tagħfas sa ma tarani nibki,” irrakkonta Paul b'ħarstu ‘l isfel megħlub mill-mistħija. Allega wkoll li kienet teħodlu l-flus mill-kartiera u twaħħal f’wieħed mill-ulied li ħadhom hu.
Żied jgħid li, “Il-Qorti ordnat li jsir rapport dwari u dwar l-eks sieħba tiegħi minn espert indipendenti. Peress li s-sieħba tiegħi ma ridetx tħallas, marret l-Appoġġ u għamluh huma. F’dan ir-rapport jien sirt 'mostru li ma tistax tafdalu lil uliedu'.”
"Rapport mimli gideb"
“Niddikjara bla tlaqliq li r-rapport li sar mill-Appoġġ huwa mimli gideb kontrija minkejja li l-ħaddiema soċjali li kitbitu qattgħet sitt sigħat miegħi biex tisma’ l-verżjoni tiegħi.Imma nkiteb kollox favur l-eks.”
Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-fatt li dejjem se jkun hemm parti li ma taqbilx mal-eżitu tar-rapport, Paul wieġeb li, “Ma nagħtix tort lill-Qorti li qagħdet fuq ir-rapport tal-‘esperti’, imma mhux sewwa li ħadd ma ta kas l-verżjoni tiegħi.”
Newsbook.com.mt ivverifika li, bħalissa, ma hemm ebda mod kif persuna tappella r-riżultat ta’ xi rapport f’każi bħal dawn. Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, ikkonferma dan. Ir-reazzjoni u aktar dettalji li ta l-Ministru esklussivament lil Newsbook.com.mt dwar x'se jsir f'każi bħal dawn se jkunu mxandra fuq dan is-sit.
*Ismijiet mibdula.
Filmat: rikostruzzjoni