Filmat: “Illum hawn ftit bdiewa żgħażagħ” – bidwi

Bidwi li ilu jaħdem fis-settur minn tfulitu sostna li llum il-ġurnata ftit li xejn għadek tara bidwi li għadu żgħir.

Paul Zahra u xi bdiewa oħrajn tkellmu ma’ Friends of the Earth Malta fuq il-biedja mil-lenti tagħhom, fejn fost l-oħrajn qabblu l-biedja tal-lum ma’ dik ta’ dari. Il-bdiewa kollha taw viżjoni differenti, però spikka l-fatt, kemm il-biedja m’għadhiex popolari fost iż-żgħażagħ tal-lum.

Zahra spjega kif dawn imorru jaħdmu f’setturi oħrajn għax hemmhekk ikollhom pagi aħjar milli jkollok meta taħdem f’għalqa. Saħaq li l-biedja huwa xogħol iebes u fl-istess waqt mhux apprezzat. “Fil-ħamrija m’hemmx pagi, taħdem sigħat twal u ma ddaħħalx il-paga”, qal Paul.

Però mbagħad intervistaw żewġ bdiewa oħra, Louis Cini u Samwel Grima. Samwel huwa gradwat tal-antropoloġija, u darba xtaq jagħmel riċerka ma’ bdiewa organiċi u ltaqa’ mal-bidwi Louis Cini. Qal li bis-saħħa ta’ Louis, Samwel tgħallem japprezza l-ħajja rurali, u issa ilu sena jaħdem miegħu. Samwel wera l-fatt li kif meta jikkumpara lilu nnifsu ma’ dawk tal-età tiegħu jara differenza fl-interess għall-biedja.

Filmat: Friends of the Earth