Filmat: Illejla l-film Id-Destin għall-ewwel darba fuq it-TV

Għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni llejla l-istazzjon One fid-9.30pm se jkun qed ixandar il-film Malti Id-Destin li kien intwera fiċ-ċinema lokali f’Mejju tas-sena l-oħra.

Il-film jitratta l-istorja ta’ Ethan Costa, raġel ta’ 20 sena li ħajtu daħħlitu fi sqaq li iktar ma timxi iktar issib lilek innifsek fi djuq li jqabbdek kastrofobija. Meta l-affarijiet dehru li ma jistgħux jieħdu r-ruħ, ilħajja bagħtet sinjal ta’ tama bl-isem ta’ Aurora Cole. Imma x’ser iżomm lil Ethan Costa milli jgħix dan iċ-ċans?

Għalfejn ser jikkumplikaw ruħhom l-affarijet fil-mument fejn suppost kellha tinqaleb il-folja? U wara kollox, x’kienet ir-raġuni prinċipali li Ethan spiċċa f’din it-taqlib ta’ ħajja? X’inhu l-passat ta’ Ethan? Dawn id-domandi u oħrajn joħorġu f’din l-istorja iżda fil-film mhux għal kull domanda ser ikun hemm risposta.

B’direzzjoni ta’ Dominic Said, il-film Malti Id-Destin ġie mtella’ minn Mixta Drama b’kollaborazzjoni ta’ Brighter Image

Dan il-film għandu s-sehem ta’ ħafna atturi ta’ esperjenza li jinkludu lil Clayton Pace, Dorian Micallef, Clayton Zammit, Sandro Vella, Eric Grech, Sonic-J Aquilina, Patrick Bonnici, Michael Stivala, Eric Grech u Ileana Cutajar.

Ta’ interess ukoll huwa l-fatt, li apparti li llum il-Ħadd se jkun qed jintwera għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni lokali, dan il-film se jkun qed jintwera wkoll fl-Awstralja bis-sottotitoli bl-Ingliż.