Filmat: Illegalitajiet fl-industrija tat-tonn mhux tollerabbli – Il-Gvern

Il-Gvern Malti u l-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura (FMAP) qalu li illegalitajiet fl-industrija tat-tonn ma jistgħux jiġu tollerati.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent qal li Malta qed tikkollabora mal-awtoritajiet Ewropej fl-investigazzjoni msejħa Tarantelo.

Il-Europol qalet li bdiet il-ħidma tagħha meta awtoritajiet Spanjoli ġew mgħarrfa dwar irregolaritajiet b’rabta mat-tonn fil-Mediterran. L-investigazzjonijiet urew li kien qed isir negozju llegali bit-tonn fi Spanja. Kien qed jiġi impurtat minn portijiet Franċiżi wara li jkun inqabad fl-Italja u Malta.

Il-Gvern Malti qal li se jkun qed isegwi l-investigazzjoni mill-qrib u qal li jinsab kommess li jippromwovi prattiċi sostenibbli fis-settur tas-sajd. L-FMAP qalet li l-istqarrija tal-Europol ma tagħhmilx referenza għal ħut li tkabbar fil-fish farms ta’ Malta.

Riċentament, il-Partit Demokratiku qal li l-operaturi fl-industrija tat-tonn qed jagħmlu prattikament li jridu u li jidher li għandhom l-appoġġ taż-żewġ partiti l-kbar.

Id-Dipartiment tal-Akwakultura ħabbar li qed idaħħal fis-seħħ aktar miżuri ta’ kontroll fuq l-operaturi tal-fish farms wara li nstabu diskrepanzi fl-ammont ta’ ħut ma’ dak reġistrat. Matul is-sajf dehru numru ta’ ritratti fuq il-midja soċjali li juru ħmieġ li ġej mill-fish farms fil-bajjiet Maltin li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jirrapporta.