Filmat: Ilha 15-il jum magħluqa ġol-kamra m’ommha biss

Din it-tifla ċkejkna ilha 15-il jum l-isptar magħluqa ġol-kamra m’ommha biss. Il-filmat ittella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares.

Iċ-ċkejkna tidher qed tpinġi u tgħaddi l-ħin turi dak li qed tagħmel lil ommha.

Il-paġna ta’ Puttinu Cares spjegat li minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha ċ-ċkejkna, xorta toħroġ ħlewwa mill-isbaħ. Intqal li hi qed timmissja ħafna lil missierha, iżda qed tifhem ukoll li huwa għall-ġid tagħha li qed isir dan kollu.

Puttinu Cares ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħmel kuraġġ, u f’dan iż-żmien jieħu ftit paċenzja. Dan wara li mill-bieraħ eluf ta’ persuni kellhom jingħalqu f’darhom minħabba l-aħħar direttivi maħruġin mill-Gvern.

Intant, Puttinu Cares appella sabiex kulħadd, flimkien, jissapportja lil dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Qal li bl-għaqda u t-tolleranza t-tbatija tingħeleb.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn