Filmat: “Il-volontarjat jagħtik ħafna lura” – Bernard Borg

Bernard Borg, ir-rebbieħ tal-premju żagħżugħ tas-sena, iddeskriva l-volontarjat bħala opportunità biex jagħti xi ħaġa lura minn dak li għandu.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Bernard spjega li issa ilu għal dawn l-aħħar disa’ snin jagħmel xogħol ta’ volontarjat. Beda l-esperjenzi tiegħu mas-Sorijiet ta’ Madre Tereża, li flimkien ma’ grupp żgħażagħ jorganizzaw numru ta’ attivitajiet għat-tfal li jkollhom bżonn għajnuna. Fost l-attivitajiet, dan il-grupp jorganizza Dopo Scuola u anke Summer camp.
Barra minn hekk, huwa parti mill-grupp Stand, li jieħu ħsieb persuni b’abbilitajiet differenti li jiltaqgħu biex jissoċjalizzaw flimkien.
Is-Sajf li għadda, Bernard għamel xogħol ta’ volontarjat l-Etjopja. Wara dik l-espejenza, l-istess grupp qed jippjana biex dan is-Sajf jagħmel volontarjat il-Kosovo.
Dwar il-premju żagħżugħ tas-sena, Bernard Borg qal li qatt ma kellu ħsieb li jerbaħ xi premju. Saħaq iżda, li dawn il-premji huma importanti għax iservu biex titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji li jġib miegħu il-volontarjat.
Fl-aħħarnett, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux mill-volontarjat. Spjega li mill-esperjenza tiegħu, il-volontarjat jgħallmek u jagħtik ħafna aktar milli tkun qed tagħti inti.