Filmat: “Il-vjolenza mhi qatt tollerabbli iżda ma nħallux ir-rabja tmexxina”

Read in English.

Illum sar il-funeral ta’ Chantelle Chetcuti l-mara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha il-Ħadd filgħaxija. Fl-omelija l-Kappillan ta’ Ħal Safi Fr David Farrugia qal li l-mewt ta’ Chantelle ġabet tbatija kemm fuq Chantelle kif ukoll fuq persuni oħra. Żied li l-vjolenza mhi qatt tollerabbli iżda wieħed m’għandux iħalli r-rabja tmexxih biex jipponta subgħajh u jikkundanna jew li tasal li torbotil-ponn tal-vendetta.

Fr David indirizza lil dawk li attendew il-funeral b’kurżità, lil dawk li kienu jafuha u ġew b’ħafna mistoqsijiet u rabja kif ukoll lil dawk li ġew biex wara li jisimgħu, ikunu jistgħu jgħidu tagħhom u jippuntaw subgħajhom f’din l-istorja. Dawn kollha qed iwasslu biex wieħed jesperjenza varjetà ta’ sentimenti li jwasslu biex b’xi mod jesprimu dak li persuna qed tħoss u dan kollu jgħaqqad u jirreaġixxi għall-ewwel delitt tal-2020.

Spjega li l-mewt ta’ Chantelle ġabet tbatija fuq Chantelle stess, fuq il-familjari tagħha, il-komunità ta’ Ħal Safi u l-familja tal-eks sieħeb tagħha u tbatija fuq dawk kollha li qed jagħmlu ħilithom biex jitkellmu u jgħinnu f’każijiet ta’ vjolenza b’mod parikolari dik domestika.

Matul l-omelija Fr David Farrugia silet diversi siltiet mill-bibbja li bihom spjega fejn jinsab Alla f’din l-istorja traġika u fejn jinsab il-bniedem f’din l-istorja.

Huwa rringrazzja lil Alla għal kliem ta’ għajnuna u talab sabiex ikompli lil kulħadd sabiex jegħleb il-qasma li hemm bejn it-triq tas-sewwa u t-triq il-ħażina. Fr David rringrazzja lil Chantelle u talabha biex permezz ta’ mewtha tkompli tqajjem aktar disprezz għall-vjolenza domestika kif ukoll twelled aktar riflessjoni għal apprezzament sinċier tad-don tal-ħajja.

Il-Kappillan talab maħfra lil Alla għax permezz tal-għażliet li jsiru wieħed qed ikun responsabbli għall-firdiet, l-għira u l-mibegħda. Huwa talab maħfra u ħeġġeġ lil Alla sabiex il-bniedem jirrealizza li l-imħabba u r-responsabilità jmorru flimkien kif ukoll biex Alla jneħħi minn kull persuna l-indiferenza quddiem kull forma ta’ vjolenza, speċjalment quddiem nisa ommijiet.