Filmat: “Il-verità li tgħallmek ommok hija verità personali” – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-verità li tgħallmek ommok hija verità personali u hija frott l-imħabba. Huwa qal dan fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li huwa ċċelebra fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u li xxandret LIVE fuq Newsbook.com.mt.

Huwa spjega li l-omm turi t-triq lil uliedha billi tħobbhom.

Stqarr li l-ommijiet huma t-triq, il-verità u l-ħajja. Fisser kif kienet il-persuna tal-omm meta niftakru fl-għożża li rċevejna mingħandhom, fid-don tal-ħajja li rċevejna permezz tagħhom, dak kollu li għallmuna u qal kif ìżjed ma tikber iżjed tiġi fi kliem ommok.

Saħaq li aħna niġu fi kliem ommna u nindunaw kemm kellha raġun.

“Meta kelma tismagħha forsi ddarrsek imbagħad tirrealizza maż-żmien kemm kellha raġun”, stqarr l-Arċisqof.

Bl-istess mod, l-Arċisqof qal li forsi l-kelma li jgħidilna l-Mulej iddarrasna. Huwa awgura biex bħala soċjetà u umanità “aħna nagħżlu d-deheb mill-ħuxlief” għaliex qal li hawn nirrealizzaw x’inhu ta’ veru ġid għalina. Qal li jkun għalhekk li nintebħu “x’inhuma l-valuri li l-ebda pandemija ma tista’ tneħħilna jew tisraqilna”.

Fl-Omelija, Mons. Scicluna qal l-fidi mhix xi ħaġa ta’ tagħlim li nitgħallmu bl-amment jew ideat li jkollok f’moħħok. Stqarr li l-fidi hija risposta ta’ mħabba. Fisser kif l-affarijiet li forsi rbatna qalbna magħhom għosfru jew ma qdewniex u ittradewna iżda stqarr li l-imħabba tibqa’.

F’Jum l-Omm, l-Arċisqof reġa’ fakkar f’dak li qal fil-vlogg li huwa għamel fejn qal li l-att ta’ mħabba tal-ulied lejn ommijiethom din is-sena huwa li jħarsu saħħet l-omm.