Filmat: Il-vaċċin ifisser li nistgħu ngħaddu mingħajr restrizzjonijiet?

Read in English.

Filwaqt li l-vaċċin huwa pass ‘il quddiem importanti, dejjem se jkun hemm żmien sostanzjali sakemm jitneħħew ir-restrizzjonijiet b’mod sħiħ. Dan qalu Dr Charles Mallia Azzopardi, il-Kap tal-Infectious Diseases Unit f’intervista waqt il-progamm What’s On Newsbook fuq 103 Malta’s Heart ma’ Fr Joe Borg.

Dr Mallia Azzopardi sostna li hemm bżonn perjodu ta’ żmien fejn fih jitlaqqmu l-persuni u l-vaċċin jibda jagħmel xogħolu. “Irridu noqgħodu attenti u nżommu d-distanza soċjali, is-sanitizzar tal-idejn u l-ilbies tal-maskri. Inkella jkollna problemi kbar kif qed ikollhom pajjiżi oħrajn,” wissa Dr Mallia Azzopardi.

Hu qal li l-messaġġ finali huwa li l-vaċċin huwa pass pożittiv ‘il quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija. “Irridu naħdmu flimkien, imma ottimist li se nirnexxu,” qal Mallia Azzopardi.

Il-Kap tal-IDU qal li bħalissa hemm madwar sitt vaċċini li jinsabu fi stat avvanzat ta’ testing. Irrimarka li l-aħħar aħbar dwar il-vaċċin li lest biex jibda jitqassam għall-pubbliku mhux biss aħbar tajba, imma hija aħbar eċċellenti.

Dr Mallia Azzopardi qal li studji kurrenti qed juru li l-vaċċin huwa effettiv u li r-rispons tal-ġisem għall-vaċċin huwa robust. Sostna li l-ġisem jidher li qed jipproduċi aktar antikorpi milli meta wieħed naturalment jimrad bil-virus. Spjega li meta wieħed jimrad bil-virus, il-ġisem jiġġieled lill-virus u eventwalment jipproduċi l-antikorpi biex ‘joqtol’ il-virus. Qal li n-numru ta’ antikorpi prodotti mill-vaċċin huwa ħafna akbar mill-antikorpi prodotti minn ġisem infettat bil-virus. B’hekk ir-reżistenza li min ikun ħa l-vaċċin jimrad bil-virus tkun ikbar u għal żmien itwal.

Hu kompla jgħid kif il-maġġorparti tal-vaċċini li qed ikunu prodotti kontra l-coronavirus jirrikjedu booster 21 jum wara l-ewwel titqiba. Dan ifisser li l-vaċċin irid jittieħed darbtejn.

Dr Mallia Azzopardi kompla jgħid kif l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja mal-kumpaniji kollha li qed jittestjaw vaċċini differenti tal-coronavirus. Hu qal li dan hu proċess normali, partikolarment minħabba li tagħti sigurtà lill-Unjoni Ewropea jekk xi vaċċini ma jaħdmux kif suppost. Spjega li wisq probabli, l-istati membri jkollhom diversi vaċċini biex jitqassmu. Dan minħabba li hemm bżonn biljuni ta’ vaċċini biex iservu madwar id-dinja kollha.