Filmat: L-AĠ jagħżel li jgħaddu jumejn qabel jagħtini r-rapport Egrant – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wara li mar l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, dan qallu li se jinvoka li jeżegwixxi s-sentenza tiegħu dwar l-inkjesta Egrant wara jumejn.

Dan wara li aktar kmieni, Delia qal li l-ogħla Qorti tal-pajjiż, illum sabet li l-Avukat Ġenerali kiser il-kostituzzjoni tal-pajjiż. Qal li ġaladarba l-Qorti sabet dan, mela l-Avukat Ġenerali Peter Grech għandu jirreżenja.

Delia tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet propju wara li l-Qorti tal-Appell ordnat li Delia għandu jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta. Delia sostna li l-Qorti sabet li l-Avukat Ġenerali kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ħoloq żbilanċ politiku. Qal li l-Qorti ordnat b’mod immedjat sabiex kopja sħiħa tar-rapport tingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, Delia żied jgħid li ma jistax ikollok pajjiż demokratiku fejn l-Avukat Ġenerali jinstab li kiser il-kostituzzjoni tal-pajjiż mill-ogħla Qorti, meta xogħolu huwa li jiddefendi lill-istess kostituzzjoni.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk il-Qorti tatux permess li jkun hu dak li jagħmel dan ir-rapport aċċessibbli għall-pubbliku, Delia sostna li l-Qorti ma qaltlux li ma jistax jagħmel dan.

Wara t-tmiem tal-konferenza tal-aħbarijiet, Delia flimkien ma rappreżentanti oħrajn tal-Oppożizzjoni marru l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jingħataw kopja tal-Inkjesta. Delia stieden ukoll lill-ġurnalisti preżenti sabiex imorru miegħu.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista, ġie spjegat li wara sentejn jirreżisti li jippubblika r-rapport tal-inkjesta Egrant u wara li l-Qorti qalet li kiser id-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali qed jgħid li jrid jumejn oħra biex jagħti dan ir-rapport li ilu sentejn jaħbi. Qalu li għalhekk se jibqa’ jikser il-Kostituzzjoni.

Filmat: Monique Agius