Filmat: Il-Pulizija trażżan raġel li beda jgħajjat kliem oxxen f’Buġibba

Il-Pulizija rażżnet raġel li beda jgħajjar kliem oxxen u jagħmel storbju f’Buġibba.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tat-3pm fi Triq il-Ġifen. Il-pulizija ssejħu wara li r-raġel barrani ntlemaħ aġitat u beda jagħmel ħafna storbju.

Il-filmat li beda jdur fuq il-midj soċjali juri lir-raġel fl-att. Juri wkoll il-wasla tal-Pulizija li ppruvaw jikkalmaw ir-raġel. Dawn kien hemm bżonn li jużaw il-forza biex iżommu lir-raġel mal-art.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li r-raġel kellu f’idejh trabixù, li huwa meqjus bħala arma. Spjega kif il-Pulizija ordnaw lir-raġel biex ineħħi t-trabixù minn idu, iżda dan irrifjuta li jsegwi l-ordnijiet tal-Pulizija. Minħabba f’hekk, qal li l-Pulizija kellhom irażżnuh biex la jindarab hu li lanqas iweġġa’ persuni oħrajn. Huma ma użawx armi f’dan il-każ u ħadd ma ndarab.