Filmat: Il-Pulizija tfittex raġel ieħor li nqabad jisraq matul il-lejl

Ħalliel inqabad minn kameras tas-sigurtà jippjana serqa fil-Fgura.
Filmati li rċieva Newsbook.com.mt juru l-inċident li seħħ fi Triq il-Liedna l-lejl li għadda ftit wara s-1am x’ħin persuna liebsa hoody ħamra għaddiet mit-trieq u waqqfet tosserva vann partikolari.
Sid il-vann qal li madwar siegħa u nofs wara l-istess persuna reġgħet għaddiet mill-istess triq, imma din id-darba għattiet wiċċha filwaqt li kisret il-ħġieġa tan-naħa tax-xufier u serqet xi oġġetti mill-vann.
Apparti l-oġġetti misruqa l-ħalliel għamel ħsara fuq il-vann hekk kif ħalla diversi grif riżultat tal-attentat tal-iżgass u l-ħġieġ imkisser biex irnexxielu jisraq.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li jinsabu infurmati b’dan il-każ u li għaddejja tfittxija għall-persuna li tidher fil-filmat.
Kull min ikollu xi informazzjoni dwar dan il-każ għandu jikkuntattja l-Għassa tal-Fgura.
Sadanittant raġel ġie arrestat matul il-lejl li għadda wara li allegatament kien qiegħed jipprova jisraq xi oġġetti minn xi karozzi.