Filmat: “Il-Pulizija problema għax ma tiftaħx investigazzjonijiet”

Read in English.

Il-Pulizija minn dejjem kient il-problema f’Malta peress li mhux qed tiftaħ investigazzjonijiet skont il-MEP Sven Giegold.

Giegold qal dan ma’ Newsbook.com.mt wara laqgħa li kellu mal-Avukat Ġenerali ta’ Malta. Giegold huwa wieħed minn seba’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) li ġew Malta għal missjoni urġenti fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż.

Giegold qal li d-diskussjoni mal-Avukat Ġenerali ma tantx ħalliet frott. Qal li jemmen li l-qofol tal-problema hija l-Pulizija li mhix tiftaħ investigazzjonijiet. Qal li fil-maġġoranza tal-pajjiżi jkun hemm investigazzjonijiet, b’mod partikolari fejn ikun hemm każijiet ta’ ħasil tal-flus, kriminalità finanzjarja, u korruzzjoni.

Aktar kmieni, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola staqsiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk iħossux tradut minn Keith Schembri, li għal snin twal serva bħala ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Hi qalet li r-risposta ta’ Muscat għal din il-mistoqsija kienet ‘iva’.

Fil-jumejn li ġejjin, id-delegazzjoni se tkun qed tanalizza s-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. L-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu mas-soċjetà ċivili, l-Gvern Malti u l-awtoritajiet, u l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Filmat: Miguela Xuereb