Filmat: Il-pubbliku juri tħassib għat-tfixkil li jsibu l-Isqfijiet

Il-pubbliku l-Ħadd kien mistieden biex jagħti l-awgurju tiegħu lill-Isqfijiet Maltin. Preżenti kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi kif ukoll l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.

Fil-kummenti tagħhom in-nies awguraw lill-Isqfijiet u rringrazzjawhom għat-tmexxija tagħhom fil-Knisja Kattolika.

In-nies li taw kumment qalu li jħossu li peress li l-Arċisqof huwa l-Kap tal-Knisja Kattolika f’Malta, ħafna drabi jsib ħafna xkiel fil-ħidma tiegħu. Fl-awgurju tagħhom għal dan il-Milied il-pubbliku xtaq li jawgura lil kulħadd Milied ħieni kemm lill-isqfijiet kif ukoll lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha kif ukoll li wieħed jieħu l-opportunità u jaħseb f’dawk inqas ixxurtjati minn oħrajn. Fil-messaġġ tagħhom diversi żgħażagħ qalu li xtaqu jmorru jagħtu l-awgurju tagħhom lill-Isqfijiet, hekk kif għadu kemm spiċċa s-sinodu taż-żgħażagħ.

Fost dawk li marru biex jagħtu l-awgurju tagħhom kien hemm Patri Ġwann Xerri, qassis li ilu jgħix fil-Brażil mill-1974. Newsbook.com.mt kien għamel kuntatt miegħu dwar l-elezzjonijiet li seħħew fil-Brażil li kienu wasslu għar-rebħa tal-kandidat tal-lemin estrem.

Awdjo: “Biża’ kbir, mewġa’ ta’ dittatura tal-flus” – Malti fil-Brażil

Fost kummenti oħra kien hemm ukoll diversi reliġjużi minn kongregazzjonijiet differenti kif ukoll ħaddiema fi ħdan l-Arċidjoċesi Maltija.