Filmat: “Il-protesta f’Ħal Far setgħet tiġi evitata” – Integra

Read in English.

Maria Pisani, id-direttriċi tal-Fondazzjoni Integra, qalet li l-protesta tal-bieraħ fil-villaġġ tat-tined ta’ Ħal Far setgħet tiġi evitata.

Matul il-lejl, kien hemm protesta fejn tqabbdu tliet karozzi u karozza oħra ġarrbet xi ħsarat żgħar. Il-ħames karozza li ġarrbet xi ħsarat kienet tal-Pulizija.

Skont Pisani, ilu jkun hemm problemi bil-kundizzjonijiet fiċ-ċentri miftuħa u tad-detenzjoni. Appellat lill-Gvern biex jiftaħ djalogu ħalli kulħadd jgħin lil xulxin u r-refuġjati jiġu trattati b’mod uman u ġust.

Qalet ukoll li dalgħodu ġew arrestati bejn 30 u 40 ruħ b’rabta mal-protesta. Għadd ta’ Pulizija kienu preżenti Ħal Far, jinvestigaw dak li seħħ ilbieraħ.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li tliet immigranti ppruvaw jidħlu fil-magħruf villaġġ tat-tined waqt li kienu qed jixorbu l-alkoħol. Huma twaqqfu minn uffiċjal tas-sigurtà fil-bieb. Ir-rapporti jindikaw li l-persuni ħarġu miċ-Ċentru u bdew jipprotestaw.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ rappreżentant tal-Pulizija li kkonferma li kien hemm pulizija wieħed li ġarrab ġrieħi ħfief.

Bi djalogu imma mhux bi vjolenza – UNHCR

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati qal li l-vjolenza qatt mhi postha u ħeġġeġ biex isir djalogu biex jiġu evitati azzjonijiet li jwasslu għall-irvellijiet. Fi stqarrija l-UNHCR esprimiet it-tħassib tagħha għall-irvell li seħħ f’Ħal Far.

Fl-istess waqt li rringrazzjat lill-forzi tal-ordni għall-ħidma tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet, il-UNHCR qalet li dan qed ikabbar il-popolazzjoni tal-immigranti f’ċentri bħal dawn. Hija appellat lill-Gvern biex itejjeb il-kundizzjonijiet fiċ-ċentri miftuħa u ta’ detenzjoni.

Il-GWU tgħid li l-NCPE qed twaqqaf il-ftehim kollettiv

Fi stqarrija, il-General Workers’ Union qalet li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qed tevita li tkomplu d-diskussjonijiet għall-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-istess kummissjoni. Għal din ir-raġuni l-GWU kellha tirreġistra tilwima industrijali mal-NCPE.