Filmat: Il-proġett tal-Electrogas qed jiswa €200 miljun aktar – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-proġett tal-power station il-ġdida tal-Electrogas qed jiswa lin-nies €200 miljun aktar fis-sena mill-interconnector. Dr Delia qal dan b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li fih ġiet ippubblikata l-investigazzjoni sħiħa li saret dwar l-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas biex tforni lill-Malta bl-elettriku.

F’konferenza fil-Parlament ftit wara li dan ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġie ppreżentat lill-Ispeaker, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Awditur Ġenerali ta 200 miljun raġuni għalfejn il-Ministru Konrad Mizzi għandu jitlaq.

Dr Delia qal li l-kuntratt tal-Electrogas kien imbagħbas mill-ewwel jum għaliex dawk li tefgħu l-offerti tagħhom għall-bini tal-power station ma ġewx trattati bl-istess mod. Sostna li l-Gvern ried li akkost ta’ kollox il-kuntratt għal-bini u tħaddim tal-power station il-ġdid f’Delimara jintrebaħ mill-Electrogas.

Semma kif mir-rapport jirriżulta li Brian Tonna ta’ Nexia BT kien it-team leader tal-kumitat tal-awdituri li kien dak inkarigat mill-proċess tal-għażla, u spiċċa wkoll kien ukoll l-awditur ta’ GEM Holdings li l-konsorzju tagħhom rebaħ il-kuntratt għall-power station. Delia fisser kif l-istess persuna li ra l-evalwazzjoni tal-offerti mitfuha kienu spiċċa l-awditur tal-konsorzju magħżul.

Adrian Delia qal li għal din il-korruzzjoni qed iħallsu l-familji, n-negozji u l-anzjani. Fl-istess waqt 80% tal-familji qed iħallsu aktar għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li taħt il-Gvern Laburista huma aktar għoljin u aktar spissi, l-anzjani qed ibatu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar u 3,200 għadhom qed jistennew biex ikollhom saqaf fuq rashom.

Il-PL jgħid li Delia ma qarax ir-rapport

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li mill-konferenza tal-aħbarijiet deher ċar li ma qarax ir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Qal li fi ftit kliem ir-rapport tal-NAO jifqa’ ħafna mill-bżieżaq tal-Partit Nazzjonalista. Sostna li dan biex għal darb oħra, skont il-Partit Laburista, irriżulta li “l-PN kien qed jibbaża l-argumentazzjoni politika fuq il-baħħ u l-allegazzjonijiet vojta”.