Read in English.
Il-problema ta’ immigranti li qed ifittxu l-ażil, li jispiċċaw mingħajr dokumenti u li kawża t’hekk saħansitra jistgħu jispiċċaw magħajr post fejn jgħixu hi problema li qed tiżdied. Hekk sostniet Dr Maria Pisani waqt li kienet intervistata mill-preżentatur Prof.Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart.
Dr Pisani hi lettur, attivista u taħdem ħafna fil-qasam tal-immigranti. Matul il-programm hi spjegat kif il-problema ta’ nuqqas ta’ dokumentazzjoni hi kriżi mmanifatturata, problema li ġiet ikkreata biż-żmien.
Spejgat kif wara xhur li jinżammu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, l-immigranti jitpoġġew fiċ-ċentri miftuħa u minn hemm imbgħad jispiċċaw fit-triq, mingħajr dokumenti. Kawża t’hekk ħafna minnhom lanqas biss ikollhom saqaf fuq rashom. “Jien minix nirreferi għad-dokumenti li jġibu magħhom, imma dokumenti li għandhom jingħataw meta jkunu Malta,” spjegat Dr Maria Pisani li semmiet anke kif il-policy kif inhi mħaddma issa, dwar kemm jinżammu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, l-immigranti, hi waħda llegali.
L-unika sapport li jistgħu isibu dawn l-immigranti hu mill-NGOs li fl-aħħar mill-aħħar apparti li jitmexxew b’mod volontarju minn diversi persuni, għandhom riżorsi limitati.
Hi sostniet kif dawn l-immigranti huma persuni li fis-soċjetà li spiċċaw fiha ma jkunu jafu l-ħadd u minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti li jkollhom, il-ħajja tkompli ssirilhom aktar diffiċli.
Din il-ġimgħa xxandar filmat u anke intervisti bħala parti mill-kampanja ta’ Newsbook u 103 dwar nies bla saqaf fuq rashom.
Fr Joe Borg, chairman tal-Bord Editorjali ta’ Beacon Media Group spjega li l-isem tal-kampanja ttieħed minn vers fil-Vanġelu li f’dawn il-ġranet se nisimgħuh ħafna drabi. “L-anqas għal Kristu ma kien hemm post fil-belt u twieled f’għar. Aħna irridu ngħinu biex dawk bla saqaf fuq rashom isibu l-għajnuna. Dak huwa l-ispirtu veru tal-Avvent u tal-Milied,” sostna Fr Joe waqt intervista ma’ Sylvana Debono, Editor in Chief ta’ Newsbook.com.mt.
Għin int ukoll biex toħloq kuxjenza dwar in-nies bla saqaf fuq rashom. Ikteb fuq il-Facebook jew xi platform ieħor tal-media soċjali u għamel link għal dan l-artiklu. Forsi titħajjar ukoll mill-impjegati ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart u taqbad l-ismart phone tiegħek u tagħmel messaġġ qasir bil-video.
Dan l-artiklu huma parti mill-kampanja ta’ Newsbook.com.mt u 103 ‘Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda’.