Filmat: Il-Prinċep ta’ Wales joffri s-sapport kollu tiegħu lill-Kristjani ppersegwitati

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=pXq2xCNjBu4]

Il-Prinċep ta’ Wales qal f’messaġġ irrikordjat li l-Kristjani ppersegwitati kollha għandhom is-sapport tiegħu, liema messaġġ intlaqa’ b’ferħ mill-Kardinal Vincent Nichols, li hu wkoll Arċisqof ta’ Westminster.
Jidher li l-messaġġ tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Prinċep Charles kien ispirat mil-laqgħa li kellu ma’ mexxejja tal-Knisja Kristjana fil-Lvant Nofsani, fosthom il-Papa Kopti, l-Arċisqof Kaldew ta’ Erbil, u l-Arċisqof Melkita ta’ Zahle u Forzol.
Dawn il-laqgħat huma parti mill-inizjattiva usa’ tal-Prinċep stess biex jinfetaħ għad-djalogu mal-mexxejja Kristjani fir-Renju Unit.
B’reazzjoni għall-messaġġ ta’ Prinċep Charles, il-Kardinal Nichols qal li l-persekuzzjoni tal-Kristjani madwar id-dinja għandha tiġbed l-istmerrija ta’ kulħadd, u qabel mal-Prinċep meta ġibed l-attenzjoni dwar dan.
“Tajjeb niftakru li minkejja li l-ISIS kissru rħula bħal Qaraqosh fl-Iraq, xorta waħda n-nies se tiċċelebera l-Għid il-Kbir jumejn oħra”, qal il-Kardinal.
Il-laqgħat tal-Prinċep ta’ Wales ma’ dawn il-mexxejja li ssemmew saru bis-saħħa tal-ħidma tal-Aid to the Church in Need (ACN), li tippubblika regolarment dwar il-persekuzzjoni tal-Kristjani, u tgħin f’diversi proġetti.
Fil-messaġġ tiegħu il-Prinċep qal li f’daż-żmien, aħna u niftakru fit-tbatija ta’ Ġesù, għandhom jiġu f’moħħna dawn il-Kristjani li wkoll qed ibatu.
Jirrimarka li artijiet bħas-Sirja u l-Iraq mhux minn dejjem kienu postijiet fejn nies ta’ twemmin jippersegwitaw lil dawk bi twemmin ieħor, anzi għal sekli sħaħ it-tliet reliġjonijiet ewlenin tal-Ktieb, il-Kristjaneżmu, l-Iżlam u l-Ġudaiżmu, dejjem għexu flimkien fil-paċi.
Riċentement, il-Prinċep ta’ Wales iltaqa’ mal-Arċisqof Kaldew ta’ Erbil, Bashar Warda, u tkellmu dwar il-proġett fil-Wesgħat ta’ Ninwè, li qed jieħu ħsieb mal-100,000 Iraqin Kristjan biex jirriturnaw djarhom, wara li l-inħawi tkissru mill-ISIS fl-2014.