Filmat: Il-Prim Ministru jgħid li l-inkjesta mhu se ssib xejn

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-inkjesta Maġisterjali li qed issir dwaru mhu se ssib xejn, għax m’hemm xejn. Sostna li hu jinsab seren.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-inkjesta mhux se taffettwa d-deċiżjoni li jista’ jieħu dwar id-data tal-elezzjoni.
Joseph Muscat saħaq li l-unika ħaġa li jikkunsidra hi li jkollu ċertezza li l-pajjiż ma jkunx distabilizzat.
Dwar l-għajdut ta’ elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru tenna mill-ġdid li din hija prerogattiva tiegħu.
Iddeskriva l-koalizzjoni ġdida bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratika bħala koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti wara l-ftuħ ta’ faċilità korrettiva ġdida fl-Imtaħleb għal żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena.
Ritratt: Net TV, li juri lil sid il-Bank Pilatus ħiereġ bil-bagalji tard il-Ħamis filgħaxija u li wassal biex infetħet inkjesta Maġisterjali, minħabba li ġie allegat li sid il-bank kien qed ineħħi l-provi li allegatament jinkriminaw lil mart il-PM.