Filmat: Il-Prim Ministru f’Toronto

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jiltaqa’ mal-Maltin li jgħixu ‘l barra minn xtutna, din id-darba f’Toronto fil-Kanada.

Waqt li ndirizza lill-ġemgħa Maltija li nġabbret f’Toronto, il-Prim Ministru qal li meta jżur il-komunitajiet Maltin barra mill-pajjiż dejjem jismahom jitkellmu fuq kif kienu telqu lil art twelidhom għax kien l-unika mod kif isibu xogħol. Muscat spjega kif illum il-ġurnata, Malta mhux talli toffri xogħol lil uliedha kollha, iżda għandha bżonn il-barranin biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu.

Wara l-impenji fi New York b’rabta mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru żar kumpaniji li qed jikkunsidraw jinvesti f’Malta. Huwa kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar Chris Cardona, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia u rappreżentanti oħra.

Il-Gvern qal kif minn dawn il-laqgħat ħareġ ċar li hemm “interess sinifikanti f’pajjiżna minn negozji Kanadiżi”. Ġie spjegat li f’ċerti każijiet diġà hemm ftehimiet preliminari lesti biex dawn il-kumpaniji jibdew joperaw minn Malta.

Fi stqarrija l-Gvern qal li fost l-oqsma li l-iktar qed jiġġeneraw interess hemm l-industrija tal-kannabis għall-użu mediċinali. Il-Gvern saħaq li l-imprendituri Kanadiżi qed jaraw f’Malta pajjiż b’leġiżlazzjoni serja li tagħti aċċess għal suq ta’ 500 miljun persuna madwar l-Unjoni Ewropea.