Filmat: Il-President tiġbor €9,000 għall-Istrina mill-Ministeru għall-Enerġija

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret il-Ministeru għall-Enerġija fejn iltaqgħet mal-ħaddiema u fi tmiem din il-laqgħa rċeviet is-somma ta’ €9,000 li nġabret mill-ħaddiema kollha tal-Ministeru u l-ħaddiema fl-entitajiet bħall-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-Enemed, u aġenziji oħrajn.
Il-Ministru Joe Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ħaddiema ltaqgħu biex mhux sempliċiment jinġabru l-fondi, iżda biex jitwassal il-messaġġ li f’okkażjonijiet bħal dawn, ikunu familja waħda.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Ministru ta’ din l-inizjattiva. Hija qalet li l-Milied ma jiġix biss għall-festini, iżda għandu sinifikat ikbar, il-ħtieġa li nkunu aktar magħqudin, u li naħsbu f’ħaddieħor.
Żiedet tgħid li dan huwa valur li jagħmilna uniċi filwaqt li esprimiet it-tama tagħha li dan il-valur ikompli jiġġedded biex Malta tibqa’ tiġi distinta għal dawn l-affarijiet tajbin, għas-sens ta’ pożittività, u għaqda biex il-ġid jibqa’ jitkattar.