Filmat: Ira Losco, Żaren tal-Ajkla u Fr Martin lesti jagħmlu l-ALS Icebucket Challenge?

L-ALS Icebucket Challenge misset ukoll lill-kamra tal-aħbarijiet ta' Newsbook.com.mt
Id-DJ Pierre Cordina għażel lill-ġurnalista tagħna Catherine Aquilina biex għal għan nobbli taqla' barmil b'ilma kiesaħ u bis-silġ.
Newsbook.com.mt mar id-Dar tal-Providenza jiġbed il-filmat ta' din l-isfida biex l-ilma li jitwaddab ma jinħeliex u iżda jmur fil-ħamrija.
Għall-isfida li jmiss, Newsbook.com.mt innomina lil kantanta Ira Losco, lil Żaren Bonniċi tal-Ajkla u anke lil Fr Martin Micallef, li jmexxi d-Dar tal-Providenza u aċċetta mill-ewwel li niġu għandu għall-isfida. 
Skont ir-regoli, l-innominati jridu jagħmlu l-isfida f'temp ta' 24 siegħa.
Kif titlob din l-isfida, il-ħaddiema ta' Newsbook se jkunu qed jiġbru somma flus biex tingħata bħala donazzjoni lill-Assoċjazzjoni ALS, li tgħin biex tinstab kura għall-amyotrophic lateral sclerosis, marda fatali li tattakka n-nervituri.
Kull min jixieq jagħti donazzjoni, jista' jidħol fuq www.alsa.org/donate/ . Min ma jixtieqx jagħti donazzjoni onlajn, jista' jikkuntattja lil Newsbook.com.mt fuq info@newsbook.com.mt
Minn meta ħafna ddeċidew li jidħlu għal din l-isfida, l-Assoċjazzjoni ġabret aktar minn $40 miljun.

Filmat: Reel8 Productions