Filmat: Il-President jappella biex l-ambjent ma jinqeridx bil-progress urban

Il-President George Vella appella lill-awtoritajiet, lill-iżviluppaturi, lill-industrija, u lill-akkademiċi sabiex jaħdmu flimkien fl-interess tal-wirt naturali Malti, filwaqt li ħeġġeġ lill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) biex tkun aktar viġilanti u tipproteġi aħjar il-wirt ambjentali li fadal f’Malta. Hu Saħaq fuq il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, u li nirrealizzaw li l-“progress” fl-ambjent urban m’għandux ikun il-kaġun tat-tħassir ta’ dak naturali. Il-President irrimarka li qegħdin qrib ħafna li dan il-bilanċ nipperikolawh, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. 

Hu kien qed jitkellem fiċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Buonamico, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Dan il-premju introduċietu s-sena l-oħra l-ERA biex jingħata rikonoxximent lil individwi li jagħtu kontribut għall-ħarsien tal-wirt naturali tal-gżejjer Maltin.

Il-President qal li l-edukazzjoni u l-għarfien huma s-sisien ta’ soċjetà li tkun kapaċi tifforma opinjoni mistħarrġa, li tagħraf it-tajjeb ta’ madwarha, u li ma tibżax tbiddel il-ħażin u tinbidel hi stess għall-aħjar. Saħaq li jekk, sa minn ċkunitu, il-bniedem jitgħallem japprezza l-wirt naturali ta’ madwaru, jifhem li jekk ma jħarsux, minkejja l-progress fit-teknoloġija, ikun qed jhedded l-istess eżistenza tiegħu u dik ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

Il-President feraħ liż-żewġ rebbieħa ta’ din is-sena tal-Premju Buonamico – Jennifer Fiorentino, studjuża tal-likeni, u Alfred Micallef, edukatur – tal-ħidma tagħhom u ta’ dan il-premju mistħoqq. Faħħarhom għal kif, bil-ħidma tagħhom, ressqu lil mijiet ta’ studenti lejn ix-xjenzi naturali u għall-fatt li, forsi bla ma kienu jafu, għenu lil dawk kollha li għaddew minn taħt idejhom biex ikunu iktar sensibbli għall-wirt naturali.

Irringrazzja wkoll lill-ERA, mhux biss għax-xogħol siewi li twettaq iżda wkoll talli għarfet il-bżonn li toħloq dan il-premju u tkompli tonora lil personalitajiet Maltin li ddedikaw ħajjithom għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt naturali Malti.