Filmat: Il-President ikompli jikkonsulta; “Iż-żewġ terzi kompatti” – sorsi

Aġġornat 02:53 PM

Read in English.

Il-President George Vella llum qed ikompli bil-konsultazzjoni mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jara jekk għandux ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, wara li Delia kien sfiduċjat minn żewġ terzi tal-MPs tal-PN.

Huwa mistenni li llum il-President jiltaqa’ mal-biċċa l-kbira tal-MPs tal-PN. Mhux eskluż li l-President jiltaqa’ mal-MPs kollha tal-PN. Huwa mistenni li sa għada l-President ikun iddeċieda dwar x’għandu jsir.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ċaħdu għalkollox għajdut li kien hemm min xerred fuq il-mezzi soċjali li wħud li vvutaw kontra Delia issa saru favurih.

“Assolutament mhux veru li hemm min minna biddel l-opinjoni tiegħu”, qalulna s-sorsi tagħna li ma xtaqux ikunu identifikati. “Veru li qed issir pressjoni kbira fuqna iżda nassigurak li ż-żewġ terzi kontra Delia huma kompatti wara Therese Comodini Cachia.”

Min żar lill-President ilbieraħ?

  • Mario De Marco
  • Beppe Fenech Adami
  • Jason Azzopardi
  • Karl Gouder
  • Hermann Schiavone
  • Ivan J. Bartolo
  • Chris Said
  • Claudette Buttigieg
  • Marlene Farrugia
  • Godfrey Farrugia

Chris Said u Claudette Buttigieg kienu l-ewwel li żaru lill-President, meta qalulu li m’għadhomx jirrikonoxxu lil Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, imma nnominaw lil Therese Comodini Cachia sabiex tkun Kap.

Adrian Delia żar lill-President wara Said u Buttigieg, peress li l-President spjegalu li issa jrid jibda l-proċess li jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari sabiex jara jekk huma għandhomx fiduċja f’Delia bħala Kap.

Marlene u Godfrey Farrugia jinsabu barra minn Malta. F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Marlene Farrugia qalet li l-President ċemplilhom ilbieraħ u kellmu Godfrey f’isimhom it-tnejn. Huma t-tnejn jappoġġjaw lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Iż-żewġ membri parlamentari jpoġġu man-naħa tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Min żar lill-President illum?

  • Maria Deguara
  • Clyde Puli
  • Kevin Cutajar
  • Kristy Debono
  • Ryan Callus
  • Robert Cutajar
  • Carmelo Mifsud Bonnici
  • Karol Aquilina
  • Ivan Bartolo
  • Toni Bezzina
  • Mario Galea
  • David Agius
  • Claudio Grech
  • Stephen Spiteri
  • David Thake

Għall-ħabta tat-3.15pm, waslet Therese Comodini Cachia għal laqgħa mal-President li damet madwar nofs siegħa.

David Thake tkellem mal-President b’kuntatt telefoniku, skont ma qal lil Newsbook.com.mt.

Is-sorsi komplew jgħidulna illi x’aktarx li hemm uħud minn dawk li vvutaw favur Delia li issa qed ibiddlu l-opinjoni. Huma rreferewna għall-istudju tal-opinjoni pubblika li ġie ppubblikat ilbieraħ. L-istudju sar mill-MISCO għall-aġenzija tal-aħbarijiet CD eNews.

Skont dan l-istudju, 56% tal-Maltin huma favur Robert Abela bħala Prim Ministru waqt li 11% iqisu li Adrian Delia huwa addattat għal Prim Ministru. 33% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ m’għandhomx preferenza. Dawk li ppreferew lil Abela kienu fil-maġġoranza rġiel u ta’ 44 sena jew inqas. Dwar lil min jivvutaw li kieku kellha ssir elezzjoni għada, 56.5% tal-parteċipanti qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 41.5% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Il-partiti ż-żgħar għandhom 2% tal-voti bejniethom.

Is-sorsi tagħna qalulna li wħud mill-MPs tal-PN li vvutaw favur Delia kienu għal darb’oħra xxukkjati b’dan ir-riżultat. Huma kienu xxukkjati wkoll, qalulna l-istess sorsi, mill-appoġġ kbir li qed isib Delia minn imkejjen qrib il-Partit Laburista. Kienu diżappuntati wkoll, qalulna l-istess sorsi, “bix-xenati” li għamlu l-ftit supporters ta’ Delia li marru quddiem id-Dar Ċentrali.

Delia lbieraħ filgħaxija għamel indirizz fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista sabiex jgħid li għalkemm hu mweġġa’ u rrabjat, beħsiebu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni ġaladarba t-tesserati li eleġġewh għadhom iriduh.

“Il-pass li jmiss jiddependi mid-deċiżjoni tal-President” – David Agius

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit David Agius qal lill-midja li l-pass li jmiss jiddependi mid-deċiżjoni li jieħu l-President George Vella u minn dak li jiddeċiedu l-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Qal li hu rċieva telefonata mill-Uffiċċju tal-President biex jattendi laqgħa fuq is-sitwazzjoni u kif qed tiżviluppa.

Filmati: Miguela Xuereb u Monique Agius