Filmat: Jipprotestaw biex l-Avukat Ġenerali jieħu passi dwar korruzzjoni

Għexieren ta’ persuni nġabru quddiem dar l-Avukat Ġenerali fl-Iżrael iħeġġuh iressaq żewġ akkużi ta’ korruzzjoni li fihom imdaħħal il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.
Il-protesti ilhom għaddejjin sitt xhur, iżda qlielu partikularment minn nhar il-Ġimgħa ’l hawn, wara li l-eks chief of staff ta’ Netanyahu ddeċieda li jixhed fil-Qorti fil-każijiet ta’ tixħim.
Iċ-chief of staff iddeċieda li jixhed bil-kundizzjoni li tingħalaq għajn għall-każijiet separati ta’ korruzzjoni li huwa stess imdaħħal fihom.
Dan kollu jkompli jħawwar il-borma fl-investigazzjonijiet li għaddejjin fil-konfront ta’ Netanyahu.
Iż-żewġ każijiet tlaqqmu mill-Pulizija bħala ‘każ 1,000’ u ‘każ 2,000’.
‘Każ 1,000’ jinvolvi lill-PM u familtu, li allegatament irċevew sigarri u xampanja mingħand żewġ negozjanti.
F’‘Każ 2,000’ Netanyahu allegatament iltaqa’ u ddiskuta mas-sid ta’ waħda mill-akbar gazzetti fl-Iżrael sabiex dan jagħtih aktar spazju. Bħala tpattija, Netanyahu wegħdu li jgħinu jirbaħ il-kompetizzjoni fuq gazzetta oħra.
Sadanittant, Netanyahu dejjem ċaħad dawn l-akkużi.