Filmat: “Il-poplu għażel il-politika li tiddefendi liċ-ċittadin” – Agius Saliba

Read in English.

Il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista Alex Agius Saliba qal li l-poplu ta’ risposta tiegħu billi għażel bejn il-politika tal-biża’ tal-Partit Nazzjonalista u dik li tiddefendi liċ-ċittadin tal-Partit Laburista.

Dan qalu f’kumment ma’ Newsbook.com.mt mis-sala tal-għadd tal-voti hekk kif issa il-ħin dejjem qed joqrob sabiex jiġu żvelati r-riżultati uffiċjali. Aktar kmieni, sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ żewġ siġġijiet. Rapporti qed jgħidu li hemm ċans li Agius Saliba huwa wieħed minn dawk li ġew eletti.

Agius Saliba kompla jgħid li l-poplu kien ċar ħafna u qal li ma jistax ikun li barra mill-pajjiż ikun hemm persuni li jirrappreżentawh li jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż. Insista li l-poplu Malti u Għawdxi llum il-ġurnata huwa mgħarraf biżżejjed u ħa “l-aqwa deċiżjonijiet u ta’ rebħa mill-ikbar kif kien jixraqlu l-Partit Laburista u l-Ewroparlamentari tiegħu.”

Spjega li issa fadal l-aħħar parti tal-proċess fejn is-sistema elettronika se tkun qed toħroġ ir-riżultati wieħed wara l-ieħor sakemm joħroġ dak finali ta’ liema kandidati se jirrapreżentaw kemm lill-PN u lill-PL.