Filmat: “Il-politiċi obbligati li jaħsbu flimkien għal kulħadd” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-politiċi għandhom obbligu li jaħsbu flimkien u għal kulħadd.
Waqt il-messaġġ għas-sena l-ġdida, minn kafetterija qalb iż-żgħażagħ, il-Kap Nazzjonalista stqarr li ma jridx li dan ikun messaġġ politiku iżda saħaq li ried iwassal messaġġ ta’ tama.
Dr Delia saħaq li għas-sena l-ġdida jixtieq li l-poplu jingħaqad u bħala nazzjon kulħadd jaħseb u jittama flimkien.
Enfasizza li hekk il-poplu jkun kapaċi jifhem fejn mar ħażin biex imur aħjar u biex fejn mar tajjeb jara kif se jaħseb f’dawk li ma gawdex mill-ġid.
“Mhux biżżejjed li n-numri jkunu tajbin”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li mhux biżżejjed “li  n-numri jkunu tajbin” għax fi kliemu jridu jkunu l-persuni li jgawdu.
“Mhux biżżejjed li l-ekonomija tikber, imma li dawk li huma fil-bżonn naraw il-ħtiġijiet tagħhom,” qal Dr Delia.
Kompla jgħid li mhux biżżejjed li jkun hemm ftit li jaqilgħu ħafna flus imma li l-Gvern, il-politiċi u n-nazzjon kollu jara li l-ħafna jilħqu mal-ħtiġijiet tagħhom.
Kien hawn li qal li l-Maltin għandhom xorti li l-pajjiż huma wieħed żgħir, fejn kulħadd jaf lil kulħadd u għalhekk aktar faċli li wieħed isib u jaħseb f’min hu fil-bżonn.
Insista li din hija l-isfida u t-tama tan-nazzjon u fuq nota personali qal li kienet din il-ħaġa li kkonvinċietu jidħol fil-politika.
“Mis-sena d-dieħla ejjew inbiddlu l-mod kif nagħmlu l-politika”
Appella biex mis-sena d-dieħla l-pajjiż ibiddel il-mod kif jagħmel il-politika.
Insista li l-enfasi m’għandhiex tkun fuq kif partit se jirbaħ fuq ieħor imma fuq kif il-pajjiż se jissaħħaħ u jingħaqad u jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.
“Mhux bilfors mill-Gvern jew mill-Oppożizzjoni imma flimkien nifhmu li qegħdin hawnhekk biex ilkoll naħsbu f’xulxin,” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Din is-sena, għall-ewwel darba, l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista xandru kemm il-messaġġ tal-Mexxej Laburista u anke tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.