Filmat: Il-police bail tista’ tkun sa 3 xhur – Il-Kummissarju Gafà

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-perjodu tal-police bail huwa għal tliet xhur u jista’ jiġi estiż skont kif ikun hemm bżonn. Hu qal dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk kinux se jkunu qed jitressqu xi persuni l-Qorti b’rabta mal-arresti li saru bejn il-lejl ta’ nhar it-Tnejn u t-Tlieta.

Nhar it-Tlieta li għadda Keith Schembri, li kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, ġie arrestat fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li twettqet dwar allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti. Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT ġew interrogati wkoll. Skont l-avukati ta’ Schembri, huwa ġie arrestat għall-ħabta tan-12.30am tat-Tlieta u nħeles bil-bail għall-ħabta tad-9.30pm fl-istess jum.

Nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija, l-Imħallef Edwina Grima ordnat sekwestru tal-assi tal-eks chief of staff u ta’ nies affiljati mal-kumpanija Nexia BT, hekk kif ikkonkludiet li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li huma ħatja ta’ ħasil ta’ flus. L-ordni tal-Imħallef, li sar fuq talba tal-Avukat Ġenerali, jikkonċerna aktar minn 40 persuna u numru kbir ta’ kumpaniji. L-Erbgħa filgħodu, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal fuq Twitter li ġew issekwestrati aktar mill-assi ta’ Keith Schembri. Dan wara li nstab li l-ewwel sekwestru kellu xi assi neqsin.

Hu u jwieġeb il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt,Gafà qal li mhux beħsiebu li jippermetti li jkun hemm dewmien żejjed.

Il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istrateġija tal-Korp tal-Pulizija għall-ħames snin li ġejjin, kienu jduru madwar l-arresti li saru fl-aħħar ġimgħa, partikolarment l-arrest tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.

Il-Kummissarju Gafà qal li bejn il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta kienu arrestati erba’ persuni. Dawn l-arresti wasslu biex isiru tfittxijiet f’diversi postijiet u jiġu elevati dokumenti. Qal li l-erba’ persuni ngħataw il-police bail. Spjega li l-Police bail tfisser li hemm ħtieġa jsiru aktar investigazzjonijiet qabel ma persuna titressaq il-Qorti.

Il-ġurnalisti bdew jirreferu għall-persuni arrestati bl-ismijiet u jistaqsu dwar persuni speċifiċi, iżda l-Kummissarju kkwota l-liġi li tirregola l-ħidma tal-pulizija mal-midja. Qal li l-liġi tgħid li l-ebda membru tal-Korp tal-Pulizija ma jista’ jagħti dettalji lill-midja dwar l-identità ta’ xi ħadd li jkun arrestat fuq suspett raġjonevoli. Qal li l-liġi ma ttihx il-jedd jitkellem dwar xi politiċi speċifiċi. Kompla jgħid iżda li fil-mument opportun il-Pulizija se jagħtu d-dettalji kollha mingħajr ma jiksru l-liġi.

Hu spjega kif l-arresti ta’ dawn il-persuni saru anke meta nħarġu dokumenti sigrieti tal-Qorti fil-pubbliku. Qal li dan wassal biex il-pulizija taġixxi malajr biex tippreserva kwalunkwe dokumenti li kellha bżonn televa. Irrimarka li l-erba’ persuni ġew arrestati fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li potenzjalment jinkludu wkoll ħasil ta’ flus.

Hu sostna li l-investigazzjonijiet matul l-aħħar tliet snin qatt ma waqfu. Qal li l-inkjesta hija investigazzjoni li jkollha bżonn ċerti esperti li ma jinsabux fil-Korp tal-Pulizija u b’hekk il-Korp ikollu jitlob għal għajnuna esterna. Minħabba f’hekk, ikun hemm xi dewmien. Hu qal dan meta ġurnalist ikkummenta li l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-persuni li ġew arrestati kienet ilha fid-dominju pubbliku għal tliet snin.

Il-Kummissarju ma kkummentax dwar ix-xogħol ta’ dawk ta’ qablu. Qal li hu qiegħed hemm biex ikun iġġudikat fuq ix-xogħol li jagħmel hu. Qal li din hija investigazzjoni li ilha għaddejja għal tliet snin u anke l-Qorti kellha r-responsabbiltà li tgħaddi ċertu dettallji. Qal li kellu l-opportunità li jkellem lill-ġurnalisti u jispjega kemm dawn l-inevstigazzjonijiet finanzjari huma investigazzjonijiet kumplessi li jeħtieġu ċertu riċerka analitika.

Il-Korp tal-Pulizija jniedi strateġija ta’ trasformazzjoni għall-5 snin li ġejjin

Launch of the Malta Police Transformation Strategy 2020- 2025

Launch of The Malta Police Transformation Strategy 2020- 2025

Posted by The Malta Police Force on Friday, September 25, 2020

Fil-ħames snin li ġejjin, il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jgħaddi minn trasformazzjoni bil-għan li jkun iktar fdat u li se tittrasforma l-pulizija f’organizzazzjoni iktar flessibbli, iċċentrata mal-komunità u li tiffoka wkoll fuq l-innovazzjoni u l-prattiċi ta’ tmexxija moderna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum waranofsinhar, kien spjegat li l-istrateġija għandha 11-il oġġettiv li biex il-Korp tal-Pulizija jasal għalihom hemm 49 azzjoni. Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega li b’din l-istrateġija l-Korp tal-Pulizija għandu viżjoni mġedda li taħdem għall-fiduċja tal-Korp tal-Pulizija biex jassiguraw soċjetà sigura għal kulħadd.

Il-Ministru fisser kif l-istrateġija toħloq strutturi sodi. “Fuq kollox, irrid pulizija li tkun mibnija fuq l-istrutturi u mhux l-individwi, għax l-individwi, tajbin kemm huma tajbin, jiġu u jmorru,” qal il-Ministru Camilleri. L-istrateġija titlob li tinżamm komunikazzjoni mal-pubbliku b’mod ċar, konsistenti u trasparenti u l-pulizija tkun kontabbli f’kull ħin fejn jissaħħu salvagwardji kontra l-korruzzjoni fil-Korp tal-Pulizija.

Punti oħra jaħsbu biex it-teknoloġija u l-informazzjoni jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma operattiva tal-Korp tal-Pulizija u l-enfasi tal-Korp tal-Pulizija tmur fejn suppost u fuq xogħol li għandu jitwettaq minn uffiċjali tal-pulizija u mhux minn entitajiet oħra. Fl-istess waqt il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jaħseb għal Korp bl-ammont ta’ ħaddiema meħtieġa fejn f’kull livell fi ħdan l-organizzazzjoni għandu jkun hemm il-ħiliet u l-esperti meħtieġa.

Ġie spjegat li għandhom jinħolqu pjan u struttura ta’ tmexxija biex jimplimentaw u jsostnu t-trasformazzjoni u għandhom jiġu implimentati prattiċi mir-riżorsi umani li jippremjaw imġiba u ħiliet li huma importanti għall-Korp.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li l-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija li tkopri l-ħames snin li ġejjin tibgħat sinjal b’saħħtu li minkejja li fil-maġġorparti x-xogħol tal-Korp huwa wieħed reattiv, jekk verament iridu jibqgħu relevanti f’soċjetà dinamika u moderna, hemm il-ħtieġa li jippjanaw aktar b’mod strateġiku. “Irid jingħad ukoll li l-Korp tal-Pulizija għandu l-ownership ta’ din l-istrateġija li ma ġietx imposta fuqna minn xi external body. Fuq kollox, il-membri kollha tal-Korp kellhom l-opportunità kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tagħha”, qal il-Kummissarju. 

Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp tal-Pulizija, il-Professur Saviour Formosa, qal li dan id-dokument ta’ strateġija jrid ikun implimentat flimkien mas-soċjetà.