Filmat: Il-PN qed iħares ‘il quddiem u l-Gvern niexef mill-ideat – il-Kap tal-PN

Bernard-Grech5

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li l-PN qed iħares ‘il quddiem b’għadd ta’ miżuri u proposti ġodda b’viżjoni ġdida għal Malta. Fl-istess waqt huwa qal li l-Gvern kien niexef mill-ideat bil-baġit li ppreżenta għas-sena d-dieħla.

Waqt li ta l-kummenti tiegħu fuq l-istazzjon Net TV, Bernard Grech spjega l-proposti li bihom il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni għal Malta aħjar b’għadd ta’ proposti għall-ekonomija, is-saħħa u l-ambjent.

Fisser kif dan hu l-ikbar baġit għaliex fost l-oħrajn kellu għadd ta’ miżuri kkupjati minnu stess minn sena għall-oħra. Bernard Grech spjega li għalhekk kellhom jiddaħħlu għadd ta’ figuri fil-baġit li mhumix relaistiċi.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar ir-referenza fid-diskors tal-baġit tal-PM li setgħet tindika elezzjoni bikrija. Qal li l-poplu ma jridx elezzjoni bikrija imma jrid stabbiltà

“Nikkritikaw u nfaħħru fejn hemm bżonn”

Qal li l-kritika ssir biex intejbu u spjega li huwa faħħar lill-eks MEP Miriam Dalli għaliex m’għandux problema li fejn hu tajjeb ifaħħar. Huwa kien mistoqsi dwar dan meta mqabbel mal-aġir tal-Prim Ministru meta llejla fil-Parlament attakka lill-MEP Roberta Metsola.

Bernard Grech semma wkoll il-liġi tal-ugwaljanza fejn qal li l-PM qabel magħha u qal li se jagħmilha liġi.

“L-IIP irrendiet il-miljuni imma trid titjieb”

Bernard Grech qal li l-iskema tal-IIP irrendiet miljuni għal Malta iżda wissa li dak li qed isir ma jibqax isir jekk qed jagħmel il-ħsara. Stqarr li l-Oppożizzjoni qed tissuġerixxi li jkun hemm aktar titjib fl-iskema biex din tinkludi aktar investiment f’Malta minn barranin li jieħdu ċ-ċittadinanza.

“Il-Gvern għoġbu d-diskors tiegħi għax ikkopja minnu”

Stqarr li llum ikkonferma li d-deputati tal-Gvern kienu kuntenti bid-diskors li għamel fil-Parlament minħabba li Bernard Grech qal li l-PM elenka ħames pilastri li skont hu għandha tkun mibnija l-ekonomija tal-pajjiż u dawn il-ħames pilastri huma kkupjati mit-tnax-il pilastri li ġew ippreżentati minn Grech ilbieraħ.

Stqarr li n-nies qed jinnutaw dak li qed jiġri u tkellem kontra li l-ekonomija titmexxa miż-żieda fin-numri u fil-kwantità imma favur kwalità tal-ħajja.