Read in English.
Peppi Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonalista “m’għadu jgħid xejn u ma jirrappreżenta xejn”. Azzopardi qal dan peress li skontu Delia huwa oratur tajjeb iżda fis-sustanza, Delia ma jkun qed jgħid xejn. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103.
Fl-istess programm l-oppinjonisti Ivan Bartolo u Peppi Azzopardi qablu li l-irwoli ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni jistgħu jkunu okkupati minn żewġ persuni differenti filwaqt li Dione Borg ma qabilx.
Il-Preżentatur ta’ Xarabank xebbaħ is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista ma’ dak li skontu kien qed jiġrilha l-Knisja qabel ma’ Mons. Charles Scicluna sar Arċisqof. Qal li l-Knisja kienet titkellem fuq l-affarijiet tas-sema biss iżda bl-Arċisqof Scicluna l-Knisja ħadet dimensjoni soċjali. Semma wkoll l-eżempju tal-Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn fejn qal li prova jintgħoġob minn kulħadd meta fl-aħħar elezzjoni l-Partit Laburista Ingliż ma ħax poizzjoni dwar Brexit.
Peppi Azzopardi saħaq li fil-politika trid tieħu pożizzjoni billi tkun radikali u tiddefendi l-pożizzjoni b’argumenti tajbin. Stqarr li l-prinċipji ta’ partit iridu jkunu ċari u kkomunikati sew mal-elettorat.
“Fil-governanza tajba l-PN kien katalist” – Dione Borg
Dione Borg qal li kieku ma kienx għall-Partit Nazzjonalista li fetaħ l-inkjesti fuq Egrant u fuq Vitals ħadd ma kienx jitkellem dwarhom. Saħaq li dwar il-governanza tajba l-Partit Nazzjonalista kien katalist fil-pajjiż kemm taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia u sostna li bil-wisq aktar taħt Simon Busuttil għax qal li kien hu li beda l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Qal li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux kredibiltà dwar il-governanza tajba għaliex bħala konsulent ewlieni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat huwa qatt ma kkundanna xi deċiżjoni tiegħu.
“Il-kriżi fil-PN qed tissarraf f’ġid” – Ivan Bartolo
Mistoqsi jgħid jekk il-Partit Nazzjonalista jistax joħroġ minn din il-kriżi, Ivan Bartolo qal li żgur li huwa possibbli. Stqarr li l-kriżi ta’ bħalissa qed issarraf ta’ ġid għaliex ir-riforma li kellha ssir aktar kmieni, qed tara xaqq ta’ dawl bħalissa. Spjega li kienet disgrazzja għall-PN li rebaħ l-elezzjoni tal-2008 għaliex minn dakinhar il-partit mar lura.
Il-ġurnalista Dione Borg qabel ma’ Ivan Bartolo u qal li dan “jista’ jkun mument li minkejja li jidher diffiċli jista’ jinbidel f’opportunità”.
Mistoqsi dwar ir-riforma li qed titmexxa minn Louis Galea, Ivan Bartolo kkonferma li fi ħdan id-diriġenti tal-partit kien hemm it-tkaxkir tas-saqajn biex din tiġi implimentata.