Filmat: Il-PN jista’ jikseb direzzjoni billi jkollu tmexxija ġdida – MŻPN

L-Għażla F'Idejna

Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn - u jixraqlu - li jkollu direzzjoni. Dan huwa possibli biss b'tmexxija ġdida, serja u onesta. Irridu nirbħu lura l-integrita u r-rispett. Irridu nkunu ta' eżempju.Ejja nagħmlu dak li hu xieraq. L-għażla f'idejna.

Posted by MŻPN on Sunday, July 19, 2020

Read in English.

Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) qal li l-Partit Nazzjonalista jixraqlu li jkollu direzzjoni, u dan jista’ jsir bi tmexxija ġdida u onesta.

Fi stqarrija ppubblikata fuq Facebook dalgħodu, l-MŻPN xerred filmat u qal li llum, il-PN għandu għażla diffiċli quddiemu li se tiddefinixxi l-preżent u l-ġejjieni.

Huma qalu illi, “Bħala l-vuċi taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista u anke ta’ żgħażagħ li jridu jaraw Oppożizzjoni b’saħħitha, kredibbli u li ġenwinament tiddefendi l-interessi ta’ ħafna nies li jħossuhom abbandunati minn tmexxija dgħajfa, aħna dejjem tkellimna b’mod ċar. Għandna dmir li nagħmlu dan, għax li tagħżel li ma titkellimx jew li ma tagħmel xejn jirrendik kompliċi ma’ min qed jagħmel ħażin.”

Ilbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dawk li qed jagħmlu l-bsaten fir-roti lit-tmexxija tal-PN għandhom jagħmlu l-ispazju u jwarrbu sabiex il-partit ikun jista’ jiffunzjona kif suppost. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, Delia ġarrab it-tieni vot ta’ sfiduċja, din id-darba fl-Eżekuttiv wara li ġimgħa qabel tilef vot ta’ fiduċja ieħor fil-Grupp Parlamentari tal-PN.

Saħqu li jridu jqajmu lill-Partit fuq saqajh u jixprunaw Oppożizzjoni li tkun ta’ tarka għan-nies minn kull qasam tal-ħajja, u tarka għal dawk li jħossuhom bla partit. Bi tmexxija ġdida, iż-żgħażagħ qalu li jridu jirbħu lura l-integrità, ir-rispett u l-kredibbiltà.

L-istħarriġ ippubblikat ilbieraħ fuq il-gazzetta MaltaToday wassal għal kontroversja oħra fil-Partit Nazzjonalista peress li dawk li jridu lil Delia jirriżenja iktar saħħew fehmithom filwaqt li Delia nnifsu qal li l-mument tad-deċiżjonijiet wasal.

Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn – u jixraqlu – li jkollu direzzjoni. Dan huwa possibli biss b'tmexxija ġdida, serja…

Posted by MŻPN on Sunday, July 19, 2020